Lectio Divina tal-20 Ħadd. Sena “B”

Kif ukoll fil=festa ta’ Corpus Christi

Vanġelu (Ġw 6, 51-58):  Il-festa ta’ Corpus twaqqfet wara li qamu ħafna disputi fuq il-preżenza ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija, u wara li bdew ħafna devozzjonijiet, xi wħud tajbin, imma oħrajn tbiegħdu mis-sens veru ta’ dal-misteru.  Għal din l-awtentiċita rridu mmorru għas-sors ta’ dan id-diskors, u għall-ġest li għamel Ġesu’ fl-Aħħar Ċena.  Sinifikattiv ħafna l-fatt li Ġesu’ ma waqqafx dan is-Sagrament f’kuntest reliġjuż, fit-Tempju jew f’xi sinagoga, imma f’kuntest pjuttost profan – waqt ikla.   Irridu nfarfru t-trab u nnaddfu s-sadid li trabba matul is-sekli fuq dan is-suġġett. 

  1. Dan il-kliem Ġesu’ qalu fis-sinagoga ta’ Kafarnaum.   Kien għadu kif tema’ l-5000 ruħ bil-ħobż.  “Jien Hu l-ħobż li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.”   Din l-eternita’ ma tfissirx it-tul tal-ħin jew taż-żmien, imma tfisser il-Ħajja tal-Etern.  Min jitqarben jirċievi u jibda jgħix il-ħajja tal-Etern, il-Ħajja Divina.   Ġwanni juża’ żewġ verbi:  “fagejn” li tfisser “tiekol” u li jużaha ħdax-il darba f’dan il-kapitlu; “trogejn” li tfisser “tomgħod, titħan” li jużaha erba’ darbiet (Kemm morna żmerċ meta kienu jgħidulna li jekk tigdem l-Ostja tagħmel dnub).  Mela nomogħdu mhux nibilgħu: bħal meta wieħed iwissik u int ikollok bżonn tomgħod dak li qallek biex jinżillek sew u jħalli effett fik.  Imbagħad Ġwanni juża’ l-verb “tixrob” tliet darbiet.  Dawn huma verbi konkreti li jgħaddulna l-messaġġ li, l-ewwel u qabel kollox, l-Ewkaristija mhux qiegħda hemm biex noqogħdu nħarsu lejha, nikkontemplawha  jew nadurawha, imma biex nikluha u nixorbuha.  Ġesu’ jrid li, kif il-ħobż u ikel ieħor jiġi assimilat mill-ġisem, hekk ukoll Hu jixtieq li jiġi assimilat fina.  Mela ejjew nevitaw diskors bħal meta ngħidu li Ġesu’ hu priġunier fit-Tabernaklu,  u ħa noqgħodu ħdejH ħa nżommulu kumpannija u nikkunslawH.  Dan hu kliem bla sens.  L-anqas tagħna l-Ewkaristija biex jibqa’ viċin tagħna.   Ġesu’ dejjem qrib tagħna, mhux fl-Ewkaristija biss.   Mela, L-EWKARISTIJA QIEGĦDA BIEX NIKLUHA.  Qed nisħaq fuq dan għax kien Ġesu’ stess li saħaq fuq dan għal ħmistax-il darba.
  2. Is-silta tal-lum hija l-konklużjoni tad-diskors kollu.  Ġesu’ jħabbar li aktar tard se jwaqqaf dan is-sagrament.  Il-kelma Tiegħu flimkien mal-Ġisem Tiegħu se jsiru ikel għall-bniedem. Dan hu ikel li ma jispiċċax, imma jibqa’ ħaj biex jagħti l-ħajja lil min jirċevieh.  Din hi l-Ħajja tal-Etern, li trid tkompli dejjem tikber u tiżviluppa permezz tal-Kelma ta’ Ġesu’.  Inkella tikber biss il-ħajja bijoloġika.  L-Iben t’Alla, l-Etern li jiġi ġo fina jrid jikber billi nilqgħu l-Kelma Tiegħu, il-Messaġġ Tiegħu, l-Evanġelju.  Min sema’ dan id-diskors żgur ftakar fil-Kliem: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix imma b’kull Kelma li toħroġ minn fomm Alla.”  Issa dil-“Kelma” ġiet inkarnata fil-persuna ta’ Ġesu’.  B’hekk in-nies mhux biss semgħu il-Kelma, imma raw l-Awtur tal-Kelma, l-Iben t’Alla.
  3. “U l-ħobż li jiena nagħti huwa Ġismi għall-ħajja tad-dinja.”  Hawn Ġesu’ għadu mhux qed jitkellem fuq l-Ewkaristija.  Jidħol f’dan is-suġġett bil-mod il-mod.  Fil-ħsieb semitiku, “ġisem” ifisser il-persuna bid-difetti u dgħufija tagħha, destinata għall-mewt.  Ġesu’ wkoll ħa ġisem destinat għall-mewt.  Il-messaġġ li ġabilna mis-sema hu preżenti fiH u qed isostni l-fraġilita’ Tiegħu bħala bniedem.  In-nies fehmu li Ġesu’ qed jgħidilhom biex jaċċettaw il-messaġġ Tiegħu biss.   Allura issa Ġesu’ jintroduċi l-Ewkaristija.  Jitkellem ċar u jixxokkja l-mentalita’ Semitika tal-Lhud. 
  4. “Fis-sewwa fis-sewwa ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom.”  Li Lhudi jixrob id-demm kienet ħaġa ripunjanti ħafna.  Mela hemm bżonn immorru għall-Aħħar Ċena fejn Ġesu’ ħa ftit ħobż u qal: “Dan hu ġismi (Ġwanni biss jgħid “laħmi”)”, i.e. mhux daqstant li l-ħobż isir il-Ġisem ta’ Ġesu’ daqskemm Ġesu’ isir ħobż biex jagħmilha possibbli biex nikluH.  Fil-fatt ħajtu kollha kienet rigal ta’ ħobż biex imantnina.  X’se nagħmlu b’dan ir-rigal mibdul taħt l-ispeċi ta’ ħobż u nbid?   Nikluh biex isostnina u jqawwina fil-vjaġġ tagħna.
  5. “Dan hu ġismi,” jiġifieri, “Dan hu Jien.”  L-Appostli ma fehmu xejn dak in-nhar.  Fehmu aktar tard.  Noqogħdu attenti kif inkellmu lill-oħrajn, l-aktar lit-tfal, fuq l-Ewkaristija.  Hawn min jgħallem li fl-ostja kkonsagrata hemm Ġesu’ bil-laħam, id-demm u l-għadam ; dan kollu moħbi  taħt forma ta’ ħobż.   Aħjar ngħidu sempliċiment li Ġesu’ sar ħobż għalina biex inkunu nistgħu nikluh.  Imma min jitqarben irid ikun ippreparat  biex jassimila t-tagħlim kollu ta’ Ġesu’ u jfassal ħajtu fuqu.  Kull tqarbina titlob impenn serju.
  6. “…. u jixrob demmi.” Hemm bżonn li kulħadd jifhem kemm hu mportanti li nitqarbnu bl-inbid ukoll, imqar billi nbillu l-ostja biex inħarsu l-iġjene.   Almenu kull nhar ta’ Ħadd. Għax id-demm ifisser il-ħajja.  Meta Mose’ ppreżenta l-għaxar Kmandamenti lill-poplu, qabad ftit demm u raxx ftit fuq l-artal u ftit fuq il-poplu.  B’hekk ġedded il-patt bejn Alla u l-poplu, fejn Alla wiegħed li jkun Alla tagħhom u huma se jkunu l-poplu fidil Tiegħu.  Id-demm kien simbolu li Alla u l-poplu kellhom jaqsmu (sharing) ħajja waħda, demm wieħed.  Mela anki aħna, meta nixorbu d-demm ta’ Kristu, inkunu qed nixxerjaw ħajja waħda, spirtu wieħed.  “Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ jgħammar fija, u jien ngħammar fih.”
  7. Waqt tieġ, l-għarus isaqsi l-għarusa tridx tgħaqqad ħajjitha ma’ ħajtu.  Hi ssaqsi l-istess. Jagħtu ċ-ċrieket, sinjal ta’ mħabba bla tarf li għandhom għal xulxin.  Jiżżewġu u “t-tnejn isiru ġisem wieħed.”   Dan wara li jkunu saru jafu sew minn qabel lil xulxin.  Tqarbina tajba titlob li nkunu sirna nafu sew min hu Ġesu’ permezz tal-Kelma Tiegħu.  Qisu Ġesu’ qed jgħidli: “Issa li sirt tafni sew, kul dan il-ħobż, ixrob dan l-inbid, biex inkunu nistgħu naqsmu ħajjitna flimkien.”

Sors:  lachiesa.it/omelie/data/fernando armellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading