L-Evanġelju tat-Tlieta 14 t’Awwissu 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 18, 1-5.10.12-14

Mhux min hu l-kbir iżda min hu l-ikbar. Din kienet il-preokkupazzjoni inisistenti tad-dixxipli daqs kemm hi insistenti fina lkoll. Donnu l-bniedem ma jimpurtahx wisq kemm hu kbir, daqskemm jinkwetah il-fatt jekk hu ikbar minn ħaddieħor. Irridu nkunu ikbar minn ħaddieħor. Minn hemm tiġi l-għira, minn hemm tiġi l-pika minn hemm tiġi l-firda u minn hemm ukoll tiġi l-kilba li neqirdu lil kulmin naħsbu li hu theddida għas-supremazija li naħsbu li għandna u li jekk naħsbu li m’għandniex, naraw kif nagħmlu kif noħolquha. ‘Mirror, mirror on the wall, who’s the fairest of us all?” Smajnieha meta konna tfal u llum ngħixuha ta’ kbar.

It-tfal mhux bilfors huma dawk li dejjem jagħmlu l-ħajja faċli. Min għandu t-tfal jaf x’qed ngħid. Ħafna drabi jikkmandaw huma mhux il-ġenituri tagħhom, għax il-ħajja tal-ġenituri tiddependi mill-ġid ta’ wliedhom, iżda fihom il-ħażen ma kellux ħin jgħawwar biżżejjed ’il ġewwa u allura, anke jekk kultant jiżbaljaw, imma l-intenzjonijiet tagħhom huma nieqsa mill-ħażen tal-kbar. L-ikbar wieħed fis-saltna tas-smewwiet huwa dak li jkollu qalbu ħielsa mill-intenzjonijiet ta’ ħsara lil min narawh bħala theddida għat-tqabbil stupidu tagħna ma’ min hu aqwa jew iktar dgħajjef minna. F’dawn iċ-‘ċkejknin’ Ġesù jqiegħed lilu nnifsu u ħsara lilhom hija ħsara lilu stess.

Din is-silta biblika magħżula għal-Liturġija tal-lum taqbeż ftit vrus li fihom Ġesù mhux biss iwissi dwa rl-iskandlu iżda jħeġġiġna biex kulma hu okkażjoni ta’ dnub inqaċċtuh minn ħajjitna. Iktar faċli ma tqabbadx is-sulfarina milli tipprova titfi l-ħuġġieġa; aħjar tevita t-tentazzjoni milli tipprova tiġġildilha. Fi ġlidiet bħal dawn is-sogru tat-telfa huwa kbir.

l-istima lejn min hu ċkejken għandha tkun daqslikieku hija stima lejn Alla nnifsu. Min ma jistax jiddefendi lilu nnifsu għandu jkollu lil min jiddefendih, min ma jistax jitkellem għandu jkollu min jitkellem għalih. Ilkoll kemm aħna xi darba jew oħra ma stajniex – u jista’ jkun li għad jiġrilna l-istess – niddefendu lilna nfusna. Meta ġeja attakkati m’n Alla sibna lil min jiddefendina. Ilkoll kemm aħna xi darba jew oħra ma stajniex – u jista’ jkun li għad li għad jiġrilna l-istess – nitkellmu għalina nfusna. Meta akkużawna u kolln abla ħtija m’n Alla sibna lil min jitkellem għalina.

Għandna tentazzjoni, li spiss naqgħu għalija, li nagħżlu aħn amin hu dgħajjef u min ma jistax jitkellem. Dawn iva u dawk le. Ma naħsbux li din hija nġustizzja kbira? Li kieku nsibu ruħna f’sitwazzjoni fejn inkunu ma oħrajn u jiġrilna diżgrazzja u min ikun hemm jiddeċiedi li lil ħaddieħor jgħinu u lilna jħallina fis-saram tagħna. Kieku x’naħsbu? Niġġustifikaw b’xi mod din l-inġustizzja, jew inħossuna mwarrbin u abbandunati!

Min hu dgħajjef, hu dgħajjef dejjem, hu fejn hu, hu min hu, hu x’inhu l-isfond kulturali tiegħu, it-tnissil jew l-oriġini tiegħu. Min minna għandu l-ħila jieħu f’idejh il-miżien tal-ġustizzja u b’tisbita ta’ jdejh iniżżel keffa waħda ’l isfel biex l-oħra togħla ’l fuq kontra wħud u favur oħrajn! Hawn min jieħu gost jilagħbha ta’ Alla, iżda Alla ma jagħmilx hekk.

Leave a Reply

%d bloggers like this: