L-Evanġelju tal-Ħadd 23 ta’ Settembru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 9, 30-37

L-Evanġelista Marku, kontinwament jistaqsi Ġesù min hu. Għal min qed jipprova jsir jafu, dak li jrid jilqa’ l-fidi u jemmen fih, din il-mistosqija hija mportanti; biex temmen f’xi ħadd trid issir tafu, trid tkun taf min hu, x’isarraf, x’jaħseb, kif iġib ruħu.

L-Evanġelista Marku ma jiddejjaq xejn jgħidilna kollox dwar Ġesù. Aħna l-bnedmin għandna t-tendenza li biex nikkonvinċu lil ħaddieħor, inrattbu l-verità, nippruvaw ngħattu l-iebes u nesaġeraw it-tajjeb, ngħidu li aħna ottimisti u nwarrbu, ngħattu jew niċħdu l-eżistenza tar-rejaltà li, fl-aħħar mill-aħħar, hi l-ħajja. Marku ma jagħmilx hekk għax Ġesù ma jagħmilx hekk. Lid-dixxipli tiegħu jurihom min hu tassew u minn xhiex se jkollu jgħaddi.

Iżda dak li kellu jgħaddi minnu, it-tbatija u l-mewt, mhumiex riżultat b’kumbinazzjoni ta’ dak li jħoss ħaddieħor lejh. Ma tistax tistaqsi min hu Ġesù u fit-tweġiba teskludi t-tbatija u l-mewttiegħu; huma parti mit-tweġiba għax it-tweġiba tiddeskrivi dak li tassew hu, anke dak li jingħata b’imħabba, dak li għax iħobb jagħti ħajtu. It-tabtija u l-mewt huma t-twettiq ta’ kull ma qal u kull ma għamel, huma t-triq li twassal għall-qawmien, għall-ħajja l-ġdida li ġie jipproponi li mhix triq biss ta’ konverżjoni iżda hija triq li twassal għal ħajja ġdida, il-ħajja ta’ Alla nnifsu li tinfetaħ għal kullmin jemmen fih. It-tbatija u l-mewt mhumiex it-tfaqqir tar-rejaltà ta’ Ġesù iżda jagħnuha u jwassluha għall-milja tagħha fil-qawmien mill-imwiet tiegħu. Din hi l-aħbar it-tajba li magħha ddur kull aħbar tajba oħra. Dak li jgħid u jagħmel Ġesù idur u jiddependi minn din l-għotja rebħa.

Għad-dixxipli din hi aħbar li tista’ tintuża għall-gwadann personali tagħhom. Aħna nafu għax hekk nirraġunaw. Filwaqt li Ġesù qed jurihom bi tbatija, dak li hemm bżonn li jsir skont il-pjan ta’ Alla, huma jaljenaw ruħhom billi jintilfu fil-pjanijiet tagħhom u jittieħdu mill-virus tal-aħna u intom, tal-jiena u int, tal-jien ikbar u aqwa minnek u tal-aħna nikkmandaw fuqkom; il-marda tas-supremazija li tiġi mill-ideja fqira li għandna tagħna nfusna u, minħabba f’hekk, ta’ xulxin.

Filwaqt li Ġesù qed jipprova jurina li qed isejħilna biex inkunu miegħu u bħalu, aħna, bħad-dixxipli, ninfexxu nillitikaw u kultant niġġieldu dwar min minna hu l-aqwa, liema bandiera hi l-ikbar, liema kulur jgħajjat l-iżjed, min se jgawdi l-iktar. Tfal f’bitħa ta’ skola fix-xemx ta’ nofsinhar jgħajru u jitgħajru, sakemm ix-xemx tiddi u kif jidlam kulħadd jidħol f’qoxortu u jfittex il-kenn tal-ħajt għax jibża mid-dawl tal-qamar.

U Ġesù jieħu paċenzja u jurihomil-verità: min irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd. Il-koboir mhux f’dak li jagħmel kulħadd, lit-tajjeb mhux dak li jkabbar lilu nnifsu u jisserdaq fuq kulħadd, iżda dak li hu maħbub u rrispettat għax jaqdi lil kulħadd u jqiegħed lilu nnifsu wara kulħadd. Fil-fond ta’ qalbu kulħadd jafu dan, iżda donnu kulħad djixtieq li ħaddieħor jagħmel hekk miegħu biss.

Il-qadi tal-oħrajn mhux volontarjat jew aċċessorju, iżda parti mill-karta tal-identità tan-nisrani, parti mill-identità ta’ Ġesù Kristu. Min jipprova jneħħi dan il-ħsieb qed jiċħad l-identità tiegħu u jgħid li Kristu hu dak li mhux tassew hu.

Ejjew ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ. Dawk hawn iżżejjed minnhom. Ejjew inħobbu bl-għemil u tassew.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.