L-Isqof Mario Grech fil-Ftuħ tas-Sena Kateketika f’Ta’ Pinu


Is-Sibt, 22 ta’ Settembru 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fil-Ftuħ tas-Sena Kateketika fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.img_9951.jpg

ĠESÙ JĦADDAN LIĊ-ĊKEJKNIN

Il-fatt li Ġesù jsejjaħ tfajjel ċkejken u jħaddnu miegħu jgħidilna li Alla tagħna jħaddan liċ-ċkejknin u għalhekk iħaddan lil kull wieħed u waħda minna. Jiżbalja bil-kbir min jaħseb li Alla għandu dirgħajh qosra u għalhekk ma jistax iħaddan ħafna. Il-Vanġelu tal-lum (Mk 9:30-37) jurina li għall-kuntrarju Alla għandu dirgħajh wiesgħa biżżejjed biex jgħożż miegħu lil kulħadd, partikularment liċ-ċkejknin.

Iċ-ċkejknin ma humiex biss dawk ta’ età żgħira, imma kull min iħossu ċkejken. Wieħed jista’ jkollu mitt sena u jkun għadu żgħir mhux biss fil-maturità umana imma wkoll f’dik Nisranija. Għalhekk nagħmlu l-qalb. Għax ħafna drabi jiġri li l-immaturità spiritwali jew morali tbegħedna minn Alla. Nissoponu li Alla ma għandux grazzja ma’ persuni bħal dawn. Naħsbu li Alla ma jħaddanx lil dawk li huma spiritwalment ċkejknin. Din mhix il-verità. Ġesù jħaddan miegħu ukoll lil dawk li huma spiritwalment immaturi. Il-fatt li Ġesù jħaddanna miegħu jagħtina l-qawwa biex inkomplu nikbru – jagħtina l-konfort li aħna maħbubin minn Alla. Il-fatt li aħna għandna din iċ-ċertezza, jgħinna fil-proċess ta’ maturazzjoni.

Ġesù “ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom”. Għalih iċ-ċkejknin huma l-qofol ta’ kollox. Mhux iċ-ċkejknin iduru miegħu, imma hu jdur magħhom; mhux huma jħarsu ’l fuq lejh, imma hu jħares lejhom. B’din l-azzjoni tiegħu, Ġesù qed jgħidilna li huma ċ-ċkejknin (anki spiritwalment) li jistgħu jagħrfu l-misteru ta’ Alla.

Dwar dan għandna wkoll x’nitgħallmu. Il-poeta William Wordsworth jgħid li “the child is the father of the man”. Fiha ħafna x’tomgħod din is-sentenza. Tfisser li t-tfal jeħtieġu ħafna kura, għax dak li jinżera’ fit-tfulija huwa l-adult ta’ għada. Fit-tfulija jissawwar il-bniedem adult. Ma jistax ikun hemm l-adult jekk it-tifel ma jkunx sab għajnuna biex jiżviluppa l-potenzjal li jkollu fih. Importanti ħafna li ma niħdux żbalji f’din il-fażi, għax mhux eskluż, kif jgħid Antione de Saint Exupery.

Din is-sentenza tfisser ukoll li jeħtieġ li npoġġu t-tfal fiċ-ċentru, għax huma l-għalliema tagħna l-adulti: ħafna drabi, meta nikbru aħna nitilfu dawk il-kwalitajiet taċ-ċkejknin: it-tjubija, is-sinċerità, l-ispontanjetà, l-innoċenza… Dan jgħinna napprezzaw iż-żmien tat-tfulija. Joħloq tħassib li hemm min irid ikabbar lit-tfal qabel iż-żmien, bħal fil-każ ta’ ċerti kompetizzjonijiet fejn iż-żgħar jiġu mġiegħla jilbsu u jġibu ruħhom ta’ kbar.

Fuq din l-assjoma ta’ Wordsworth, Marija Montessori bniet metodu ta’ tagħlim. Il-karatteristika ta’ dan il-metodu hija li t-tfal huma ċ-ċentru tal-programm formattiv. Mhux kompitu tal-għalliem li jagħti forma lit-tifel/tifla; pjuttost, hu jrid jgħin lit-tifel/tifla biex bil-mod il-mod jiskopri dik il-forma tiegħu/tagħha partikulari li jkun tah il-Ħallieq. It-tfal ma humiex kontenituri li wieħed irid jimliehom bit-tagħlim, imma rridu noffrulhom għajnuna li tistimulahom biex jedukaw lilhom infushom.

Fil-bidu ta’ din is-Sena Kateketika, nixtieq qabel xejn nirringrazzja lilkom il-katekisti għall-koperazzjoni tagħkom f’dan il-ministeru daqshekk importanti. L-ewwel impenn tiegħi bħala Isqof kif ukoll tal-Kappillani hija l-katekeżi; imma minħabba responsabbiltajiet oħra li jkollna, l-għajnuna tagħkom il-katekisti f’din il-missjoni hija indispensabbli. Napplika għalikom ir-riflessjonijiet li għamilt aktar ’il fuq.

L-ewwel ħidma tal-katekisti hija li toffru akkoljenza liċ-ċkejknin. Meta llum ċerti tfal huma mċaħħda mill-akkoljenza fl-ambjent tal-familja, meta jiġu fiċ-ċentri tal-katekiżmu għandhom isibu lil min jilqagħhom u jħobbhom. L-ewwel katekiżmu li rridu ngħaddu liċ-ċkejknin hija l-esperjenza tal-imħabba. Jekk iċ-ċkejknin iħossuhom maħbuba u rrispettati f’ambjent żgur (safe), diġà nkunu qegħdin noffrulhom akkumpanjament utli ħafna. Wieħed jawgura li s-soċjetà tagħna tkun aktar disposta li tkattar din iċ-ċiviltà tal-akkoljenza favur iċ-ċkejknin.

Il-metodu ta’ Montessori applikat għall-katekeżi minn Sofia Cavalletti jpoġġi t-tfal fiċ-ċentru tal-programm kateketiku. B’dan il-metodu, il-katekist ma jimponix it-tagħlim fuq it-tfal imma huwa jara x’potenzjal reliġjuż għandhom iċ-ċkejknin u jakkumpanjah ħalli huma stess jesploraw l-esperjenza ta’ Ġesù. It-tfal huma embrijun spiritwali lest biex jimmatura. Cavalletti tgħid li fin-natura tat-tfal hemm ċerti ħtiġijiet spiritwali (bħalma huwa l-bżonn li jħobbu u li jkunu maħbuba) li hemm bżonn jiġu indirizzati. Issa ilna ftit snin fid-Djoċesi tagħna nħaddmu dan il-metodu fl-ewwel snin tal-programm kateketiku, u r-reazzjonijiet li jasluli huma pożittivi ħafna.

Għalhekk, filwaqt li mill-ġdid nirringrazzjakom għall-ġenerożità tagħkom u għall-imħabba li għandkom mhux biss lejn it-tfal imma lejn Ġesù u l-Knisja, nagħmlilkom il-qalb biex tipperseveraw f’dak li intom tagħmlu fil-moħbi billi takkumpanjaw liċ-ċkejknin li huma proġett ta’ Alla li qed jevolvi bil-mod il-mod, u hekk tgħinuhom ikunu missirijiet tal-adulti!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.