Żomm ix-xemgħa tnemnem!


Konna qed nieħdu kafè meta ħariġli biha. U, ħa ngħidilkom kif inħossha: dakinnhar il-kafè, wara l-biċċa xogħol li kellna nagħmlu b’tant reqqa u preċiżjoni, aqta’ kemm nieżel sew! Kien kafè imbierek minn fuq s’isfel!

Ħabib tiegħi kien jgħidli dejjem, ‘Kun bil-bagalji lesti! Beda hu hekk kif ħadt l-ewwel boqqa tal-kafè sħun li tant kont ili nistenna. Għoġbittni din meta smajtha! U tassew għoġbittni l-għaliex iva fakkrittni f’sentenza eżatt bħalha u li tant kien iħobb jgħidha bl-akbar paċi u serenità tal-qalb il-kbir Papa San Ġwann XXIII. (Issa, u wara kollox, min jaf jekk dan it-tali ħadhiex mingħandu u għamilhiex tiegħu? Imma b’daqshekk lanqas din m’għandha tkun problema tafux! L-aqwa li l-ġid isir!). Imbagħad, wara li ħadt boqqa kafè oħra, dan il-ħabib tagħna reġa’ qalli: U sieħbi ieħor kien jgħidli: ‘Żomm ix-xemgħa tnemnem!

Hawnhekk il-bozza xegħlitli ħbieb! Għax, din tax-xemgħa tnemnem, fakkrittni f’dak li nsibu miktub fil-ktieb tal-Profeta Iżaija dwar il-Messija: Qasba mġenġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfiħx! (Iż 42:3). Tajba din! Mela mhux bħali li ġieli, l-għaliex inħalli ilsieni jiġri bija minħabba li nibda’ naħseb li l-Knisja jew affarijiet oħra għandhom ikunu biss kif naħsibhom jien, jew studjajthom jien, nibqa’ inqis żibel u diżażtru l-ġid li jagħmel ħaddieħor. Ta’ min jara l-affarijiet differenti minni. U nibda’ inħares bi stmerrija lejn min għandu x’joffri b’mod differenti minni! Kiefra ħbieb min jirraġuna u jaġixxi hekk tafux! Tassew tal-biża’! Tinduna! L-għaliex, nies hekk, mingħajr ma jafu, apartheid joħoloqu madwarhom! X’arja tqila tal-infern għax tal-klikka iġibu magħhom!

Intant! Għalhekk dort fuq dan il-ħabib tagħna u għedtlu: Imma xi tfisser din tax-xemgħa tnemnem ħabib? U, bis-sempliċità kollha, dan ir-raġel umli u minn tagħna issemmix, qalli: Patri, jiġifieri meta nidhru quddiem is-Sinjur ejjew ma nidhrux b’idna f’idna! Ejja naqra ġid nagħmluh! Hu kemm hu żgħir!

Kif daħlitli f’qalbi ħbieb din ir-riflessjoni! Għax, din hi r-riflessjoni, aktar milli hi ħsieb fl-arja, hi tassew azzjoni fil-prattika! Li, meta issir rejaltà, iġġib tabilħaqq revoluzzjoni! Kull fejn tkun! Il-qawl Malti jgħid: Bin-naqra n-naqra timtela’ l-ġarra. Naqra wara naqra! U l-ħaġa issir! L-istess bħal mara li tkun qed tirrakma xi diżinn mill-isbaħ. Kif tagħmlu? L-ewwel darba li jkollha ħames minuti fuq idejha ara tiġri u tibda’ tirrakkma. U, tirrakma illum u tirrakma għada u dak li tkun qed tagħmel tlestih tabilħaqq! U wara li tlesti l-biċċa xogħol tagħha tant kemm tieħu gost biha li tinsa’ is-sagrifiċċji li tkun għamlet biex tirrakkma dak id-diżinn li tkun ħażżet! Kos hux! Kemm isir xogħol bin-naqra n-naqra!

U fil-ħajja ħbieb mhux dak li jagħmel id-differenza! In-naqra! Jiena żaqqi nħobbha! U l-ikel jinżilli għasel. U, meta nkun mistieden niekol, dejjem niġi milqut minn xi ingredjent sempliċi sempliċi imma ħej li jagħti riżultati mill-aqwa! Bħal, famuża, dada! Naqra hi! U, meta tqabbilha mad-dixx kollu, kważi kważi anqas tkun tidher! U, biex tkompli tgħaxxaqha, iddub ukoll. Imma ħej x’togħma tagħmel lil ikel meta tintefa fid-dixx! U kemm, dak li jkun, jieħu gost jiekol dak l-ikel imsajjar b’tant imħabba bil-qalb! Għax dak kollu li ġej mill-qalb jidħol fil-qalb! U l-qalb, dak li hu tagħha, ixxommu minn seba’ mili bogħod! U tilqgħu malajr! Imma dak li mhux ġej minnha tarmih! Tista’ tidilkilha kemm Alla ħalaq kliem bil-butir! Għax tirreġettah! Tobżqu ‘il barra!

U l-qalb ħbieb m’għandhiex rispetti! Jista’ ikun min ikun. X’jimpurtaha mill-midalji u mill-ilbies twil u jlellex! Il-qalb meta tirċievi azzjonijiet u attitudnijiet li m’humiex ġejjin minnha tarmiehom ilkoll fil-ħofra! Għax hekk u hemm tistmagħhom! La m’humiex veritieri, imma foloz pesti, x’tambihom?

Mulej, żommli x-xemgħa tal-karità f’qalbi tnemnem. Tħallinix nitfi l-imħabba tiegħi lejK f’għajri bil-kburija li trabbi għeruqha fija. Lanqas fil-kilba li nħoss fija filli nkun popolari ħa jsemmuni. U le Mulej! Int taħdem fis-skiet! Mela għinni nħallik tagħmel il-ġid bija fis-skiet u b’affarijiet żgħar! Għax fis-skiet int twettaq ħwejjeġ kbar fina u bina. U tant kemm ikunu kbar li s-skiet biss jista’ iżommhom naturali. Amen.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.