Evanġelju tat-Tlieta 4 ta’ Diċembru 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 10, 21-24

Mument qawwi ta’ ferħ, imqanqal mill-Ispirtu s-Santu, iwassal lil-Ġesù biex jikkomunika mal-Missier u mad-dixxipli. Id-dixxipli għadhom kemm waslu wara li Ġesù ftit qabel kien bagħthom f’kull belt jew raħal fejn kien se jmur hu. Minn dak li jirrapurtaw it-tnejn u sebgħin li kien bagħat, jidher li kienet ħidma li rnexxiet fil-għan tagħha. Jidher li fost in-nies tal-bliet u r-rħula kien hemm għallinqas, rieda tajba li jisimgħuh; il-kelma li bagħat, jidher li ntogħġbot.

L-Ispirtu ta’ Alla, li jfur f’Ġesù jifraħ għax il-bnedmin li semgħu juru li l-kelma messitilhom qalbhom. U Ġesù jfaħħar lill-Missier li dak li hu moħbi bejnu u bejn il-Missier qed jiġi muri lill-bnedmin u l-bnedmin qed jiħdlu fl-intimità ta’ Alla, billi jsiru jafu min hu. Hemm rieda mqanqla minn imħabba bla tarf f’Alla li l-bnedmin ikunu ħaġa waħda miegħu, isiru jafu s-sigrieti ta’ Alla, dak li l-għerf tal-għorrief u d-dehen tad-dehnin, ma jasal qatt biex jagħaraf għax l-għef u d-dehen tagħhom stess joħloq ħitan li jillimitaw kemm jistgħu jagħrfu u jifhmu.

Dawk li jibnu d-dinja tagħhom fuq l-għerf u d-dehen, l-għerf u d-dehen tagħhom huma d-dgħufija tagħhom, għax ma jħalluom jagħrfu u jifhmu dak li hu iktar kbir mill-għerf u d-dehen tagħhom. Iċ-ċkejknin huma dawk li l-għerf u d-dehen tagħhom ma jorbtuhomx ma’ dak li jidher bl-għajnejn u ma dak li jinħass bl-idejn, iżda jiftħilhom qalbhom għal kull possibiltà ta’ sitwazzjoni, iktar minn hekk għall kull possibiltà ta’ fidi, ta’ tama u ta’ mħabba. Min lest li ma jħallix l-għerf u d-dehen tiegħu jirkbu fuq is-sarġ taż-żiemel ta’ ħajtu huwa ħafna iktar lest li jdawwar ħarstu u jiftaħ widnejh, jifhem b’moħħu u jħobb b’qalbu għal kull tama ta’ mħabba li tkabbar il-fiduċja kemm fi bnedmin oħra u iktar u iktar għal Alla.

Hija din id-disponibiltà li tferraħ lil Ġesù. Hija l-istess esperjenza li Luqa jirrakonta fl-ewwel kapitlu tiegħu meta Eliżabetta tiġi wiċċ’imb’wiċċ ma’ Ġesù moħbi f’ġuf ommu: Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; “u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Mbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!”” Hemm ukoll hemm ferħ fit-tarbija fil-ġuf, iċ-ċkejkna fost iċ-ċkejknin li tisma’ t-tislima u taqbeż bil-ferħ. Hemm ferħ fis-smiegħ u hemm ferħ ikbar fl-ilqugħ ta’ dak li jinstema’.

Henjin għax taraw, henjin għax tisimgħu. Intom ġejtu msejħa biex taraw u ġejtu msejħa biex tisimgħu. Kien hemm ħafna li fittxew li jgħaddu dak li qe dtgħaddu minnu intom u ma rnexxilhomx, mhux għax ma kienx hemm għalihom, iżda għax riedu jaraw u jisimgħu dak li riedu huma fl-għerf u d-dehen tagħhom. Il-Kelma ta’ Alla ma tfissirx dak li rriduha tfisser aħna, imma twassal dak li aħna ma nistennewx li jasal, dak li aħna kultant ma rridux nisimgħu u naraw. Nistgħu niprruvaw ngħawġuwha, ndawruha, naqilbuha ta’ taħt fuq, intuha l-kuluri li rridu aħna, inneżżgħuha mid-divinità tagħha, imma l-Kelma ta’ Alla hi dik li hi. Bil-għerf u d-dehen kollu tagħna nistgħu nagħmlu minn kollox biex infassluha skont kif naħsbu l-aħjar għalina. Iżda kull ma jirnexxilna nagħmlu hu li nħalluha taħrab minn idejna u tmur għand ħaddieħor li lest li jilqagħha kif tassew hi.

Din hija l-kelma li turina Alla min hu u ddaħħalna fl-intimità tiegħu. Inutli nippruvaw inlibbsu maskra lil Alla biex jidher iktar attraenti skont il-kriterji tagħna biex jogħġob iżjed lilna u lil oħrajn, jew iktar ikraħ u qalil biex inwerwru lil min jagħraf id-dgħufija tiegħu.

Alla hu dak li hu, u ħadd u xejn ma jista’ jagħrraf lilu lilna ħlief hu stess permezz ta’ Ibnu. L-hena mhux qiegħed f’li nivvintaw Alla li jogħġobna, imma f’li jogħġobna Alla kif tassew hu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading