Lectio Divina tar-4 Ħadd tal-Avvent. Sena “Ċ”


Vanġelu (Lq 1, 39-45): Fis-silta tal-lum se naraw kif Eliżabetta qalgħet il-grazzja tal-maternita’ wara ħafna snin bla tfal. Marija ħasbet fiha u qabdet it-triq biex tmur iżżura u tgħinha f’dak li tiħtieġ.  Meta nqsiu li Marija kellha biss xi 14-il sena, aktarx li Eliżabetta kienet xi zija jew buszija, u mhux kuġina. In fatti il-kelma użata bil-Grieg tfisser ‘qariba’. Hawn min isaqsi: “X’setgħet tagħmel Marija waqt it-twelid ta’ Ġwanni? Żgur li għand Żakkarija kien hemm nisa oħra ta’ esperjenza għal dan l-iskop. U Marija kif  għamlet  dak il-vjaġġ perikoluż? Żgur ma marritx waħedha. Forsi mar Ġużeppi magħha, kif naraw f’xi pitturi? Għalina biżżejjed inqisu l-lingwaġġ ta’ Luqa biex nisiltu l-messaġġ tal-lum.

  1. “F’dawk il-ġranet….” i.e. ftit wara li Gabrijel deher lil Marija u qallha: “Il-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek.” Dan mhuwiex dell materjali, imma qed jirreferi għas-sħaba li, waqt l-Esodu, xeħtet id-dell tagħha fuq l-Arka tal-Allejanza. Fl-Antik Testment, id-dell kien jindika l-preżenza t’Alla. Fl-Arka kienu jżommu t-twavel tal-Allejanza li kienu sinjal qawwi ta’ din il-preżenza t’Alla. Luqa llum irid jgħidilna li l-vera preżenza t’Alla issa m’għadhiex aktar f’dik il-kaxxa tal-injam miksija bid-deheb, imma f’Marija, l-Arka l-Ġdida, għax issa hi nkarnat il-Verb, u l-Iben t’Alla sar bniedem.
  2. Wara t-tħabbira tal-Anġlu, Marija ħasset il-bżonn li żżur lil Eliżabetta, għax din ukoll intgħażlet biex tkun parti mill-pjan t’Alla. Marija ħaffet biex tmur, għax riedet taqsam l-esperjenza straordinarja tagħha ma’ xi ħadd li jifhimha. Dan messaġġ għalina llum, aħna li lqajna il-Kelma t’Alla u ġiet inkarnata fina. Wara li għamilna din l-esperjenza meraviljuża li ġejna trasformati f’ulied Alla, suppost li nħossu wkoll dan l-entużjażmu ta’ Marija biex dil-Kelma naqsmuha u nxerrduha kemm nifilħu. Minn Nazaret, Marija kellha titla’ l-għoljiet fejn jinsab ir-raħal sabiħ ta’ Għajn Karim.  Fl-ewwel ktieb ta’ Samwel insibu li l-Arka kienu ħatfuha l-Filistej u żammewha għoxrin sena f’post jismu Kirjatjarim. Meta David rebaħ fuq il-Filistej, reġa’ ġab l-Arka biex jeħodha lura fuq il-muntanja fejn hemm mibnija Ġerusalem. F’Kirjatjarim, il-Bizantini kienu bnew knisja iddedikata lil Marija, Arka tal-Allejanza.
  3. Meta daħlet għand Żakkarija, Marija suppost sellmet lilu. Minn flok sellmet lil Eliżabetta. Din ma kinitx xi “Bonġu” imma “Xalom” – sliem. Hekk kif sema’ din it-tislima, Ġwanni qabeż bil-ferħ f’ġuf ommu. Mela x’tislima kienet din? “Xalom” tindika l-barkiet kollha t’Alla imwegħdin mill-profeti. Dawn il-barkiet issa taw il-bidu tagħhom bil-miġja tal-Messija fil-ġuf ta’ Marija. “F’jiemu se twarrad il-ġustizzja, se jkun hemm paċi bl-abbundanza sakemm jintefa’ l-qamar” (Salm 72). “Il-Messija se jkun il-Prinċep tal-Paċi” (Isaija 9). “Il-Messija jeqred il-karru ta’ Efrajm, jinqered il-qaws tal-gwerra. Hu jxandar il-paċi lill-ġnus kollha” (Żakk. 9. 10). Bit-tislima tagħha, Marija qed tħabbar li beda dan iż-żmien ġdid ta’ paċi. Ġesu għad jgħid lid-dixxipli: “Meta tidħlu f’xi dar, l-ewwel għatuhom il-paċi.” Aħna d-dixxipli tal-lum, jekk tassew inkunu inkarnajna fina l-Kelma t’Alla u b’hekk insiru “Arka tal-Allejanza bħal Marija, jiħtieġ inwasslu dil-paċi fil-qlub tal-bnedmin.
  4. “Imbierka inti fost in-nisa….. għax malli smajt it-tislima tiegħek, it-tarbija qabżet u tqanqlet bil-ferħ fi ħdani.” Dil-ġrajja tfakkarna meta l-Arka waslet Ġerusalem u David nieda festi kbar ta’ ferħ, kant u żfin. Messaġġ ieħor għalina: fejn jasal il-Vanġelu, hemm jaslu l-ferħ, il-paċi, iż-żfin (i.e. ċelebrazzjoni) u l-imħabba. Qatt m’għandna nippreżentaw il-Vanġelu kif konna nagħmlu fl-antik, i.e. mistur f’velu ta’ dwejjaq –“tagħmilx hekk” u “tagħmilx din” biss. Iż-żmien Messijaniku hu żmien ta’ ferħ: “We are the Easter people”. “Alla jiġi jżurna mill-għoli bħax-xemx tiela’, u jdawwal lil min jinsab fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, u jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem” (Kantiku ta’ Żakkarija).  “Qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir!” (L-anġlu lir-rgħajja).
  5. “Imbierka int..” Il-kelma “imbierek’ (bil-Lhud barak) tfisser “tagħraf is-sors tal-ħajja u barka.” Eliżabetta, mimlija bl-Ispirtu s-Santu, tgħid lil Marija: “Int, aktar minn kull mara oħra fid-dinja, qed iġġorr il-ħajja mbierka,” għax fil-waqt li nisa oħra jġibu fid-dinja ħajja ġdida bijoloġika, Marija se twelled il-ħajja Eterna. Dil-ħajja se tiġi regalata lil kull bniedem. “U minn fejn ġieni dan…?” L-istess kif kien qal David: “X’merti għandi jien biex l-Arka terġa lura għandi?” David poġġa l-Arka taħt tinda f’post fejn, aktar tard, Salamun bena t-Tempju ta’ Ġerusalem. Dan għamlu għax  it-tnax-il tribu’ ta’ Israel kienu miġġildin bejniethom. David ried li l-Arka f’Ġerusalem tkun sinjal ta’ għaqda. Dan ifisser li fejn ikun hemm l-Arka, se jkun hemm sejħa għall-maħfra, rikonċiljazzjoni, imħabba u paċi. Bl-istess mod illum, kull min għandu l-Vanġelu inkarnat ġo fih, għandu jingħaraf bħala dak li jwassal l-għaqda, r-rikonċiljazzjoni, id-djalogu, l-imħabba u s-sliem.
  6. “Imbierka dik li emmnet..” Din hija l-ewwel beatitudni tal-Vanġelu. Eliżabetta ma qaletx “Imbierka int” imma “dik”, għax kienet qed talludi għal kull min, bħal Marija, jemmen u jafda fil-Kelma tal-Mulej. Din hija stedina biex, wara li nkunu lqajna lill-Mulej fil-Milied, nipproponu biex fis-sena l-ġdida nafdaw fil-Kelma Tiegħu, u nġorru ix-Xalom u l-barkiet tas-sema lil ħutna l-bnedmin.

Sors:  lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernamdoarmellini

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.