Seminarista Ingliż jeħles tarbija mill-abort


L-aħħar aħbar tal-lum teħodna fid-dinja tal-midja soċjali għaliex bħalissa fuq l-internet eluf ta’ persuni qed ixerrdu r-ritratt tas-seminarista Ingliż David Donaghue, tad-Djoċesi ta’ Northampton b’tarbija fi ħdanu. Hija tarbija li huwa ħeles personalment mill-abort.

english_seminarian_810_500_s_c1Wieħed mill-ministeri li David iwettaq fir-Renju Unit huwa li jqassam fuljetti informattivi u li jitkellem man-nies quddiem kliniċi tal-abort fejn jispjegalhom il-valur u s-sbuħija sublimi tal-ħajja umana, u jfittex li jegħleb il-ħafna gideb u l-manipulazzjoni ideoloġika li s-soċjetà tal-lum qed timbotta favur kultura li tarmi kollox.

Dakinhar li David salva lit-tarbija, l-omm kienet fil-klinika qed tagħmel appuntament biex tagħmel abort. Sadanittant missier it-tarbija waqaf jitkellem ma’ David barra mill-klinika.

Din is-sitwazzjoni ma kinitx xi waħda ġdida: il-familja kienet fqira u diġà kellhom żewġt itfal oħra. Immexxija mill-propaganda favur l-abort ħadu d-deċiżjoni diffiċli li jirrikorru għall-abort għax ħasbu li kienet l-aħjar soluzzjoni.

Wara konverżazzjoni onesta u miftuħa mas-seminarista, il-missier biddel fehmtu dwar l-abort u kkonvinċa lil martu biex tkompli bit-tqala u tilqa’ d-don tal-ħajja.

Is-seminarista David irnexxilu jsib għajnuna materjali għall-koppja; organizzazzjoni favur il-ħajja issa qed tħallas il-kera tal-familja. Fl-aħħar mill-aħħar, il-kultura tal-ħajja trid timxi pass pass mal-kultura tal-ilqugħ u tas-solidarjetà sabiex mal-kliem sabiħ ikun hemm ukoll għajnuna tanġibbli. Bil-ħidma ta’ David dan it-tifel ċkejken se jgawdi l-ħajja mal-ġenituri tiegħu u ma’ ħutu.

David Donaghue ftit ilu ġie ordnat djaknu u xieraq li nitolbu għalih u għas-saċerdoti u s-seminaristi kollha sabiex ikunu messaġġiera tal-kultura tal-ħajja.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

One thought on “Seminarista Ingliż jeħles tarbija mill-abort

  1. With heartfelt wishes to Bro. David. Yes, the culture of life. With prayers for Bro. David for a holy life.

Comments are closed.