Abort sal-aħħar mument tat-tqala!


Is-Sibt 26 ta’ Jannar 2019: Il-mexxejja Kattoliċi fl-Istati Uniti qalu li l-vot favur l-abort sal-aħħar tat-tqala huwa kapitlu ta’ dieqa ieħor fl-istorja tal-Istati Uniti. Il-vot għadda mis-Senat wara battalja leġiżlattiva li kienet ilha għaddejja tnax-il sena. L-Isqfijiet qalu li l-Istat ta’ New York sar aktar perikoluż għan-nisa u għat-trabi f’ġufhom.

Filwaqt li l-liġi uffiċjalment tillimita l-abort għall-ewwel 24 ġimgħa tat-tqala, l-abort huwa permess anke aktar ‘il quddiem fit-tqala għal raġunijiet relatati mal-benessri tal-omm u saħansitra issa anke dawk li mhumiex tobba se jkunu jistgħu jwettqu l-abort.

Il-Kardinal Timothy Dolan ta’ New York qal li l-isqfijiet mhux suppost ikunu politiċi jew gwerriera tal-kultura iżda żied jgħid li din il-liġi l-ġdida hija affront għad-drittijiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli.

Il-liġi l-ġdida ma tagħtix drittijiet ta’ objezzjoni lit-tobba li huma favur il-ħajja u jekk tarbija jirnexxilha ssalva minn abort din tista’ titħalla tmut bla ebda kura. Il-Kardinal Dolan saħaq li n-nies kollha għandhom drittijiet u kif kien jinsisti Martin Luther King l-ulied kollha t’Alla huma ndaqs u għandhom l-istess drittijiet.

L-Isqfijiet ta’ New York, fid-dawl ta’ ċelebrazzjonijiet kbar għal din il-liġi, ħeġġew għat-talb mhux biss għall-konverżjoni ta’ dawk li qed jiċċelebraw dan il-mument traġiku fl-istorja tal-istat iżda wkoll għal tant ħajjiet li se jintilfu u għan-nisa li taħt din il-liġi se jkunu ħafna anqas siguri.

F’Albany fejn ġiet iffirmata l-liġi l-Katidral tal-Immakulata Kunċizzjoni daqt mota ta’ dieqa għat-trabi kollha li se jkomplu jinqatlu fil-ġuf.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.