Ejjew ninbidlu iżjed f’dixxipli tal-Mulej


Is-Sibt 26 ta’ Jannar 2019: Quddiesa fil-Vġili tal-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl.

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina

“Min jemmen u jitgħammed isalva” (Mk 16:16). Dan il-kliem mill-Evanġelju skont San Mark li għadna kemm qrajna u li nisimgħuh ukoll fl-10 ta’ Frar, jiġbor fih il-festa li bdejna niċċelebraw illejla. Il-konverżjoni tal-Appostlu Missierna hija esperjenza qawwija ħafna li twasslu għal-laqgħa personali ma’ Ġesù li hija l-fidi u nafu li, fuq l-istedina ta’ Hananija, huwa jiddeċiedi li jitgħammed. Kif nafu wkoll mill-Ittri tiegħu li waslulna, hu kien persważ li s-salvazzjoni tiegħu qiegħda u ġejja minn Ġesù. “Min jemmen u jitgħammed isalva”.

L-appostlu San Pawl huwa dak li fil-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù jirċievi l-magħmudija…

L-Appostlu Missierna jsejjaħ lilu nnifsu appostlu. L-ewwel nett għaliex huwa mibgħut minn Ġesù stess. Hananija wkoll iwassallu l-messaġġ li huwa magħżul biex iħabbar lil Ġesù lill-ġnus. Imma jekk aħna nħarsu lejn it-12-il apppostlu, inkluż Mattija li ħa post Ġuda l-Iskarjota, dawn ma tgħammdux. L-appostlu San Pawl huwa dak li fil-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù jirċievi l-magħmudija u b’xi mod huwa ħafna qrib tagħna għaliex isir dixxiplu ta’ Ġesù mhux bit-taħriġ ta’ tliet snin u bil-laqgħa personali ma’ Ġesù li tieħu post is-sagramenti, imma għalkemm jiltaqa’ mal-Mulej fit-triq ta’ Damasku, il-Mulej jindikalu xorta waħda t-triq tas-sagrament. U għalhekk huwa appostlu li jagħmel il-mixja li nagħmlu aħna għaliex aħna għandna bżonn is-sagramenti, għandna bżonn il-magħmudija biex inkunu ħaġa waħda ma’ Kristu, insiru Nsara u għalina tinfetaħ is-salvazzjoni.

Din is-sena, f’din il-festa solenni li hija t-titular tal-katidral tagħna, nistgħu ngawdu l-kapulavur ta’ Mattia Preti fil-glorja tiegħu. Inawgurat propju ftit tal-jiem ilu, nistgħu napprezzaw il-ġenju ta’ dan l-artist minn Calabria u l-idea teoloġika tiegħu. Ħa naqsam magħkom xi affarijiet li jolqtuni meta nħares lejn il-kwadru titulari ta’ Mattia Preti u jgħinuni fit-talb.

L-ewwel nett San Pawl, jew Sawlu, qiegħed fl-art; il-ħarsa tiegħu hi miltlufa għaliex għalkemm qiegħed fi djalogu ma’ Ġesù, diġà antiċipat l-istat tiegħu ta’ wieħed li tilef id-dawl. U l-idejn miftuħa ta’ Pawlu jikkorrispondu mal-idejn miftuħa ta’ Ġesù. Id-djalogu bejn Ġesù u Sawlu huwa djalogu profond: “Sawlu, Sawlu għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 22:7). Inħobb nimmaġina lill-Appostlu Missierna jaħseb fuq dawn il-ftit kelmiet u jifhem li Ġesù jħossha qawwija ħafna l-identifikazzjoni tiegħu mal-Knisja. “Min int?” jgħidlu Pawlu, “Min int, Mulej?” “Jien Ġesù ta’ Nazaret li int qiegħed tippersegwitah” (Atti 22:8).

Ġesù msallab huwa wkoll Għimmanu-El, Alla magħna, għax dak li jsir lilna, isir lilu.

Issa Pawlu ma kienx qiegħed jippersegwita lil Ġesù, is-sid tal-istorja li hemm fuq il-lemin tal-Missier, kien qiegħed jippesegwita lill-Knisja, lill-Insara, imma Ġesù jqis magħmul lilu direttament dak li jsir lid-dixxipli tiegħu, dak li jsir lill-Knisja. Ma jgħidlux: ‘Jiena Ġesù l-Iben ta’ Alla’ u lanqas jgħidlu: ‘Jiena l-Mulej’. Jintroduċi lilu nnifsu bħala Ġesù ta’ Nazaret, dak it-titlu li kien ukoll użat fil-kundanna tiegħu: Ġesù ta’ Nazaret Sultan tal-Lhud. U min jaf kemm-il darba l-Apposltu Missierna pprova jifhem għaliex il-Mulej uża dak it-titlu għalih innifsu, l-istess titlu li bih ġie msallab, u għaliex immedeżima ruħu, għadd lilu nifsu ħaġa waħda magħna. Nistgħu ngħidu li f’din l-espressjoni, Ġesù msallab huwa wkoll Għimmanu-El, Alla magħna, għax dak li jsir lilna, isir lilu.

Kif nafu, hemm iżjed minn rakkont wieħed ta’ dan l-avveniment. Fl-Atti tal-Appostli stess hemm żewġ verżjonjiet ta’ din l-esperjenza. L-ewwel fin-narrattiva ta’ Luqa, f’Kapitlu 9, imbagħad Pawlu stess li fid-djalogu lejn l-aħħar tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, f’Kapitlu 22 jerġa’ jirrepeti l-esperjenza. Imma l-għerq fundamentali tal-esperjenza huwa wkoll stedina biex Pawlu jgħaddi mid-dlam għad-dawl. Għalhekk hemm ukoll l-esperjenza fiżika li hija x-xbieha qawwija ta’ dak li qed isir fir-ruħ ta’ Pawlu.

Kien qrib nofsinhar imma d-dija tal-esperjenza u l-glorja ta’ Ġesù tiżboq id-dawl tax-xemx u din id-dija lil Pawlu tagħmih, u jibda jgħix fid-dlam fiżiku. Imma fil-qalb tiegħu beda proċess li bil-mod il-mod qed jiftmu, qiegħed jinfatam permezz tiegħu mid-dlamijiet tad-dnub u l-ħażen u qed jersaq lejn id-dawl veru. “Sawl ħija, ħu d-dawl” (Atti 22:13). Kemm hi ħaġa sabiħa li nirriflettu fuq dan il-kliem ta’ Hananija. Isem Hananija jfisser ‘Alla ħanin’. Dan kien ir-raġel mibgħut għand Pawlu, Alla ħanin, l-istess għerq ta’ Johannan ukoll, u l-prekursur Hananija jistieden lil Pawlu jersaq lejn id-dawl. Dak il-ħin qed jgħid Pawlu f’Kapitlu 22 tal-Atti: “Bdejt nara u nħares lejh” (Atti 22:13).

Il-konverżjoni ta’ Pawlu hija wkoll trasformazzjoni tal-mod kif iħares, kif jara u kif jisma’.

Hawnhekk naraw ukoll it-trasfomazzjoni tas-sensi ta’ Pawlu. Il-konverżjoni ta’ Pawlu hija wkoll trasformazzjoni tal-mod kif iħares, kif jara u kif jisma’. Hija trasformazzjoni radikali u Hananija jgħidlu: “Alla ta’ missirijietna għażlek biex tagħraf ir-rieda tiegħu” (Atti 22:14). L-għarfien tar-rieda ta’ Alla u li tagħraf lil dak li hu l-ġust! Mela tagħraf lil Ġesù, “U tisimgħu ikellmek b’fommu stess”. U minn din l-esperjenza li għamel Pawlu, li bil-perċezzjoni tar-ruħ tiegħu u bis-sensi li l-Mulej imisshom, jagħraf, jisma’ u jifhem. Huwa jirċievi l-missjoni li jkun xhud, martri: “Għax int għad trid tixhed għalih quddiem il-bnedmin kollha fuq dak li rajt u smajt” (Atti 22:15).

Ejjew nitolbu bl-interċessjoni tal-Appostlu Missierna biex aħna ninbidlu iżjed f’dixxipli tal-Mulej.

Fi ftit kliem din hija l-missjoni ta’ Pawlu; dak hu li għamel fostna u li aħna niċċelebraw bil-miġja tiegħu fl-10 ta’ Frar. Ġie fostna! Aħna għall-grazzja ta’ Alla, ilqajnieh u hu tana xhieda ta’ dak li ra u sema. Ejjew nitolbu bl-interċessjoni tal-Appostlu Missierna biex aħna ninbidlu iżjed f’dixxipli tal-Mulej.

Waħda mill-affarijiet interessanti huwa dettall, ippiku, biex ngħid hekk, imma se ngħidu biex anke nikkonkludi. Kif taraw iż-żiemel li hemm u li qed jiġi miżmum għax imbeżża’ b’dan id-dawl, huwa ta’ kulur skur bi ftit abjad. Mhuwiex iż-żiemel tad-dixxipli, iż-żiemel tad-dixxipli fl-ikonografija kollha wara l-Ktieb tal-Apokalissi huwa żiemel abjad. Jekk imbagħad taraw il-kwadru li għandna ta’ Mattia Preti fejn San Pawl huwa mpinġi jiddefendi lil Malta, riekeb żiemel abjad, iż-żiemel tad-dixxipulat, iż-żiemel ta’ min huwa kollu ta’ Ġesù. Hekk ukoll fl-ikonografija fejn mal-qaddisin ikun hemm xi żiemel: San Ġorġ pereżempju u l-kwadru sabiħ ta’ Mattia Preti li għandna fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Għaliex f’Kapitlu 19 tal-Apokalissi Ġesù jidher riekeb żiemel abjad u jiġi ddikjarat il-Verbum Dei, il-Kelma ta’ Alla fidil u veru, u warajh hemm ġgajta b’numru kbir ta’ dixxipli rekbin żwiemel bojod (ara Apok 19:11).

Din b’xi mod hija wkoll hija l-ikonografija li għandna fil-Katidral u li tfakkarna f’dan il-proċess. Wara kollox hawnhekk għandna wkoll il-kwadru tal-Magħmudija ta’ Publiju għaliex dan l-appostlu li tgħammed biex isir ħaġa waħda ma’ Ġesù, lilna wkoll fetħilna l-bieb tas-sagramenti. “Għax int għad trid tixhed għalih quddiem il-bnedmin kollha fuq dak li rajt u smajt” (Atti 22:15). Ħaddan id-dawl u obda lil Ġesù billi kien għall-ġnus, inkluż aħna, dawl fid-dlam.

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.