Lectio Divina tal-5 Ħadd Matul Sena “Ċ”


Fis-sena 2019, il-Ħames Ħadd matul is-Sena jaħbat fl-10 ta’ Frar u allura dakinhar f’Malta u f’Għawdex fil-Quddiesa nfakkru l-miġja fostna tal-Appostlu Missierna San Pawl.  Tista’ ssib il-Lectio Divina propja minn hawn … klikkja


Lectio Divina tal-5 Ħadd Matul Sena “Ċ”

Vanġelu (Lq 5, 1-11): Wara li jkunu semgħu is-silta tal-lum, xi wħud isaqsu: “Veru miraklu li qabdu daqshekk ħut?” Aħjar ma niqfux hawn imma mmorru dritt għall-messaġġ li jrid iwasslilna Luqa: Il-veru miraklu hu li ttella’ bnedmin mill-qiegħ li jkunu niżlu fih għax ikun ħadhom il-kurrent tal-ħażen, daħku bihom il-mezzi ta’ komunikazzjoni, eċċ.

  1. Il-fatt tal-lum ġara fl-għadira ta’ Ġenesaret. Ħafna ġrajjiet ta’ Ġesu u d-dixxipli seħħew fl-ibliet li jdawru dil-għadira, e.g. Tiberijade, Betsajda (fejn twieldu ħamsa mid-dixxipli), u Kafarnagħum. Għalkemm l-għadira hi biss 21Km bi 15 Km, xorta hi post sabiħ għax l-art ta’ madwarha hi fertili ħafna billi hi mdawra b’ħafna għoljiet. Kienet u għadha tagħmel ħafna ħut, u meta d-dixxipli kienu jaqbdu ħafna, kienu jeħduhom Magdala fejn kienu jafu kif inixxfuhom u jmellħuhom ħa jżommu aktar. Tajjeb li niftakru li l-biċċa l-kbira mill-Lhud kienu jibżgħu mill-baħar u kienu jqisuh post fejn wieħed jista’ jitlef ħajtu faċilment billi jew jegħreq jew jattakkah xi mostru tal-qiegħ.
  2. “Billi l-kotra bdiet tross fuq Ġesu…tela’ fuq dgħajsa.” Hawn għandna żewġ gruppi: (a) il-folla li kienet qed tisma’ lil Ġesu u tirrejalizza kemm għandha bżonn tisma’ kliem bħal dan; (b) xi sajjieda, fosthom Xmun, Indri, Ġwanni, Ġakbu u Zebedew, li ħattew ix-xbieki l-art u kienu qed jaħsluhom għal sajda oħra. Dawn kienu mehdijin b’xogħlhom u ma kinux qed jagħtu każ x’qed jgħid Ġesu. Dak il-lejl ma qabdu xejn. Għalhekk, għajjenin u bil-geddum, riedu jlestu malajr ħalli jmorru d-dar jistrieħu. Iżda Ġesu waqaf ikellem lill-folla u dar lejhom. Dawn kienu nies sempliċi (“Jien m’inix ħlief bniedem midneb”) li Ġesu se jagħżel biex ikomplu l-missjoni Tiegħu warajh. Mhux lilhom biss, imma wkoll lil dawk kollha li se jieħdu posthom warajhom sal-aħħar tad-dinja. Ġesu daħal (mhux tela’) fid-dgħajsa ta’ Pietru, li kienet simbolu tal-ħajja ta’ dawn is-sajjieda. Ġesu, bil-Vanġelu Tiegħu, daħal fil-ħajja tagħhom, u d-dgħajsa tpoġġiet għad-dispożizzjoni u s-servizz ta’ Ġesu u l-Kelma Tiegħu. Minn dakinhar ‘il quddiem, miljuni ta’ nies li ħallew lil Ġesu jidħol f’ħajjithom, poġġew l-istess ħajjithom għas-servizz Tiegħu u tal-Kelma.
  3. Ġesu talab (mhux ordna) lil Pietru: “Aqla’ ftit ‘il barra mill-art.” Qagħad bilqiegħda u qagħad jgħallem lin-nies. Din ma kinitx l-aħjar mod biex il-folla tisma’ sew. Il-messaġġ, imma, hu qawwi: Ġesu bilqiegħda jfisser li se jħabbar xi ħaġa importanti ħafna: “Il-vuċi u l-Kelma tal-Messija se jitilqu biss mid-dgħajsa ta’ Pietru u minn l-ebda dgħajsa oħra.” Dan jindika ċar li l-messaġġ ta’ Kristu f’kull żmien irid jitħabbar mill-Komunita Nisranija taħt il-kap tagħha Pietru. Ħadd m’għandu jfixkel dil-Vuċi ma’ vuċijiet oħra fuq l-art, anki jekk jitkellmu aktar bis-sens, bi provi xjentifiċi jew bis-sens komun..
  4. “Aqdef ‘il barra fil-fond u kalaw ix-xbiek.” L-ewwel darba Ġesu talab lil Pietru pjaċir: “Tista’ taqla ftit ‘il barra mix-xatt?” Issa se jitolbu xi ħaġa aktar impenjattiva li tirrikjedi fiduċja kbira:  “Aqdef fil-fond u kala x-xbiek.” Għal min jifhem, li tistad hemm bi nhar kien ħela ta’ ħin għax il-ħut jinżlu fil-qiegħ u x-xbiek ma jilħaqhomx.  Pietru hawn kien jaf li, jekk jobdi lil Ġesu u jerġa’ lura x-xatt b’dgħajsa vojta, kien qed jissogra li jaqa’ għaċ-ċajt ma’ sħabu.   Il-loġika umana kienet tgħidlu biex ma jaħlix ħin. Imma Pietru ddeċieda li jafda fil-kelma ta’ Ġesu u jieħu riskju: “Mgħallem, għamilna lejl bla ma qbadna xejn,  imma għall-Kelma Tiegħek, ħa nkala x-xbiek.” Pietru llum se jitgħallem kemm hi qawwija u effikaċi dil-Kelma. Hi aqwa mill-pariri professjonali ta’ sajjied u mis-sens komun. Nistħajjel lil Pietru jgħid: “Kieku talabni hekk xi ħadd ieħor, kont ninfaqa’ nidħak. Imma għax qed titlobni Int, nobdi.” Din hi l-Fidi. Fil-ħajja ta’ kuljum, kull Nisrani se jiġi msejjaħ biex jagħmel din l-għażla: se nafda x’qed jgħidu n-nies u s-sens komun, jew x’qed jgħid Ġesu? E.g. jaqbel li nħobb bla ma nistenna xejn lura,  jew nagħmel bħal kulħadd u l-ewwel naħseb għal rasi? Jaqbel li nkun fidil sal-mewt fiż-żwieġ tiegħi, jew nagħmel kif jgħidu fuq ix-xogħol? Xejn xejn, ma jgħajrunix ġifa. Nisrani konvint jgħid bħal Pietru: “Għax qed tgħidli Int, Ġesu, nobdi, għax konvint li, fl-aħħar mill-aħħar jaqbilli u għax l-għażliet li qed toffrili imexxuni lejn il-ħajja, fil-waqt li l-oħrajn jeħduni f’xifer il-mewt.
  5. “Qabdu tant ħut li x-xbiek kienu għoddhom inqasmu.” Għal dan, Pietru jistqarr: “Jiena raġel midneb”, i.e. kien konxju tad-distanza enormi li kien hemm bejn il-Kelma ta’ Ġesu u l-mod kif jaħsibha u jirraġuna bniedem uman. Hawn naslu għall-messaġġ ċentrali tas-silta tal-lum: “Tibżax, minn issa ‘l quddiem se tkun taqbad in-nies.” Il-verb Grieg użat hawn ma jfissirx tistad jew taqbad imma ittella’, i.e. ittella’ n-nies għall-ħajja. L-ilma ta’ din l-għadira hi meħuda bħala simbolu tad-dlamijiet tal-qiegħ fejn jirrenja l-kaos tad-dinja tal-lum u l-mewġ qalil li jkaxkar in-nies lejn il-mewt. Il-missjoni ta’ Pietru u sħabu se tkun li jtellgħu u jsalvaw in-nies minn din l-għarqa u jpoġġuhom fit-triq it-tajba li twassal għall-ħajja. Hekk kif se jagħmel Ġesu dalwaqt lil Pietru meta, miexi fuq il-baħar, naqsitu l-fidi u kien se jegħreq. X’se tkun ix-xibka, l-għodda f’idejn id-dixxipli, biex jagħmlu dan? Xejn ħlief il-Kelma tal-Vanġelu, għax din mhux kelma ta’ bniedem imma kelma li fiha qawwa Divina. L-ebda Nisrani ma jista’ jħalli din il-biċċa xogħol f’idejn il-qassisin biss. Armati b’xibka bħal din, kollha kemm aħna nistgħu ngħinu f’din is-sajda, għax aħna lkoll bil-Magħmudija għamilna bħad-dixxipli: “Telqu kollox u marru warajh.”

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.