L-Anzjani: Parteċipanti attivi u mhux spettaturi


It-Tlieta, 26 ta’ Frar 2019: HelpAge, taqsima fi ħdan Caritas Malta, għandha ħafna għal qalbha d-dinjità tal-anzjani u fid-19, 20 u 21 ta’ Frar, xahar iddedikat għall-imħabba, organizzat tlett ijiem ta’ festa bit-tema – Love is Patient, Love is Kind, f’lukanda f’Tas-Sliema.

 

Għal din il-festa attendew madwar 400 anzjan minn diversi parroċċi f’Malta.

L-attività kienet tinkludi quddies iċċelebrata minn Mons. Charles Cordina, ikel u mużika. F’dawn it-tlett ijiem ta’ festa l-anzjani ħadu sehem billi kantaw u żifnu.

Id-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt, spjega kif f’attivitajiet bħal dawn, biex persuna tieħu gost mhux bilfors nirrikorru għal-logħbiet bħat-tombla, imma permezz tal-mużika l-anzjan ikun inkorraġġut ikanta u jiżfen. B’hekk l-anzjan ikun parteċipant attiv u mhux spettatur passiv. Il-mużika tista’ tkun ta’ terapija u tgħin ħafna biex tnaqqas id-dipressjoni u l-ansjetà, tagħti wkoll sens ta’ motivazzjoni u tnaqqas l-uġigħ f’mard kroniku.

Il-kordinatriċi tal-HelpAge Unit, Ann Rose Toledo, spjegat li huwa importanti li l-anzjani nimmotivahom jipparteċipaw biex is-sodisfazzjon tagħhom ikun akbar, għax il-parteċipazzjoni tagħti sens, ta’ achievement u jħossuhom li għad għandhom x’jagħtu u jbatu anqas minn iżolazzjoni soċjali.

It-taqsima tal-HelpAge tikkordina l-ħidma tas-social clubs għall-anzjani fil-paroċċi li huma mmexxija mill-anzjani stess li ta kull xahar jirċievu l-formazzjoni meħtieġa minn Caritas Malta.

‘Soċjetà li ma tivvalutax lill-anzjani tiċħad l-għeruq tagħha u xxekkel il-futur’ – Nelson Mandela.