Saċerdot twajjeb u umli


It-Tnejn, 25 ta’ Frar 2019: Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fil-Quddiesa tal-funeral ta’ Fr Noel Vella, fil-Parroċċa ta’ San Girgor, Sliema.

52590274_2261622110743184_3957452414939824128_n.15511748406

SAĊERDOT TWAJJEB U UMLI

“Mulej ma tkabbritx qalbi, anqas ma ntrefgħu għajnejja. Jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar jew wara ħwejjeġ ogħla minni, imma żammejt ruħi fis-skiet u fil-kwiet bħal tarbija f’ħoġor ommha.”

Dan il-kliem minn Salm 130, li qiegħed fis-santa-tifkira ta’ Fr Noel Vella, narah jiġbor b’mod sabiħ ħafna l-ħajja ta’ Fr Noel, li llum qegħdin insellmu waqt li niċċelebraw il-passaġġ tiegħu għall-ħajja ta’ dejjem.

Bħal tarbija f’ħoġor ommha

Fr Noel, saċerdot twajjeb u umli, li ħadem għal aktar minn 21 sena bħala Viċi kappillan f’din il-parroċċa ta’ San Girgor, kellu qabel xejn din il-fiduċja sħiħa f’Alla, “bħal tarbija f’ħoġor ommha”. Ta ħajtu lil Alla meta sejjaħlu biex ikun saċerdot, miegħu baqa’ marbut ħajtu kollha sal-aħħar. Dak li smajna fl-ewwel qari mill-Profeta Iżaija kienet iċ-ċertezza tiegħu: “Dan hu l-Mulej li fih ittamajna. Nifirħu u nithennew bis-salvazzjoni tiegħu.”

Hu dan li qed niċċelebraw illum. Mat-tislima tagħna lil Fr Noel, b’niket għat-telfa tiegħu, qegħdin niċċelebraw din il-fidi f’Alla l-ħaj, li jagħti l-garanzija tal-ħajja ta’ dejjem lil dawk li jimxu warajh. Kif nitolbu fil-quddiesa, “għal dawk li jemmnu fik, Mulej, il-ħajja ma tintemmx imma tinbidel, u mal-mewt tal-ġisem fuq din l-art titħejja għalina għamara għal dejjem fis-sema.” Ġesù rebaħ il-mewt, u aħna lkoll li nimxu warajh rebbieħa miegħu. Lilna wkoll jagħmilna “pajżani tas-sema pajjiżna”.

Xhieda sabiħa

Iċ-ċelebrazzjoni tal-lum m’hijiex biss ċelebrazzjoni tal-fidi f’Alla li jsalva, imma wkoll ċelebrazzjoni ta’ ringrazzjament lil Alla għall-ġid li għamel ma’ Fr Noel u permezz tiegħu. Li jolqtok ħafna f’dan is-saċerdot hi l-ħajja ta’ xhieda tal-Evanġelju. Għalhekk illum ngħidu grazzi lil Alla għax-xhieda sabiħa ta’ dan is-saċerdot.

Ix-xhieda tiegħu kienet tidher fil-ġentilezza tiegħu kif kien jittratta lill-oħrajn, ibda mill-mama’ u z-zija tiegħu, imbagħad lil ħafna nies oħra. Kienet tidher fit-tbissima sabiħa tiegħu, fl-umiltà, fil-qalb kbira tiegħu. Kien jixbah tassew lil Ġesù “ta’ qalb ħelwa u umli”. Meta ltaqgħu ma’ Fr Noel, diversi nies raw fih saċerdot li jħobbhom.

Fis-skiet u fil-kwiet

Fr Noel kien eżempju ta’ saċerdot li qeda l-missjoni li Alla tah “fis-skiet u fil-kwiet”, bla ħafna storbju imma b’mod effettiv. Ix-xhieda tiegħu kienet tidher fis-servizz li ta f’din il-parroċċa ta’ San Girgor li hu ħabb, fil-lealtà tiegħu lejn diversi kappillani li kienu jmexxu din il-parroċċa tul is-snin li ħadem hawn, fl-interess tiegħu ġenwin fil-ħajja ta’ dawk li kien jaqdi.

Ix-xhieda tiegħu kienet tidher fil-ħerqa tiegħu u l-impenn tiegħu biex jagħti s-sehem tiegħu b’riżq is-saċerdoti fl-animazzjoni spiritwali tagħhom, u biex ikun mas-saċerdoti sħabu, li hu kien iħobb u minnhom irċieva appoġġ fil-ħajja tiegħu. Fr Noel jurina kemm hi sabiħa l-fraternità saċerdotali, fejn is-saċerdoti jieħdu gost ikunu fil-kumpanija ta’ xulxin u jkunu ta’ sostenn għal xulxin.

Meta llum tiġi t-tentazzjoni anke lis-saċerdoti li l-weġgħat tal-ħajja tagħhom personali jaqsmuhom mad-dinja kollha permezz tal-midja soċjali, nagħmlu tajjeb niftakru f’dan is-saċerdot li kien jaf li m’għandux għalfejn jitkellem mad-dinja kollha fuq dak li jista’ jesprimi ma’ saċerdoti oħra li jistgħu jgħinuh bil-qalb.

Fr Noel ta xhieda sabiħa wkoll fil-marda tiegħu. Kien jitkellem b’realiżmu, jispjegalek fid-dettall dak li għaddej minnu, u fl-istess waqt dejjem b’dik il-fiduċja u t-tama fil-Mulej li se jagħtih l-għajnuna li jeħtieġ fiż-żmien ta’ tbatija.

Kuntrast qawwi

Illum ngħidu grazzi lill-Mulej tax-xhieda sabiħa ta’ dan is-saċerdot. Nirringrazzjawh li din ix-xhieda nistgħu napprezzawha aktar meta narawha f’kuntrast ma’ dak li smajna speċjalment f’dawn l-aħħar ġranet fuq saċerdoti f’diversi pajjiżi li xxukkjaw bl-imġiba ħażina tagħhom u li nisslu tant swied ta’ qalb. Il-Mulej tana l-grazzja speċjali li niċċelebraw b’għożża dan is-saċerdot awtentiku li għex bil-fedeltà u b’tant imħabba l-vokazzjoni tiegħu, u li jfakkarna f’tant saċerdoti li qed jaqdu lill-poplu b’dan l-istess spirtu.

Mar-Reġina tas-sema

Bi gratitudni f’qalbna, nitolbu llum lill-Mulej biex jagħti l-mistrieħ ta’ dejjem lil Fr Noel. Mhux kulħadd jaf – jien sirt naf biss ftit ġranet ilu – li Fr Noel kien iħobb lir-reġina. Xtaq li kieku xi darba jiltaqa’ mar-reġina. It-talba tagħna hi li issa l-Mulej ilaqqgħu ma’ reġina speċjali, mar-reġina tas-sema, Marija, u jingħaqad magħha għal dejjem. U, naturalment, ma’ San Girgor il-Kbir, li lilu wkoll kien iħobb hu u jaqdi fil-parroċċa ddedikata lilu. Grazzi, Fr Noel.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.