Fik sibna ragħaj ta’ qalb ħelwa u umli

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 24 ta’ Marzu 2019: Il-messaġġ tal-Arċisqof Scicluna f’għeluq il-50 sena mill-ordinazzjoni presbiterali ta’ Mons. Pawlu Cremona u Mons. George Frendo.

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

Eċċellenza għażiż Arċisqof Pawlu,

Jiena nixtieq ninterpreta l-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna li qegħdin hawnhekk illejla biex ngħid grazzi lill-Mulej tad-don li tana fik. Fis-santa li tajtna bħala tifkira, inti għamilt rassenja, lista, ta’ grazzji li tak il-Mulej: li tkun xbieha ta’ Alla meta ħalqek, li tkun iben il-Missier fil-Magħmudija, li tagħti ħajtek fil-professjoni solenni fl-Ordni Dumnikan, u li 50 sena ilu sejjaħlek biex tkun presbiteru, saċerdot, qaddej.

Fl-2007 sejjaħlek biex tkun ir-ragħaj tagħna. Fik sibna ragħaj ta’ qalb ħelwa u umli; konxju tal- limiti tiegħu imma b’qalb kbira. Ta’ dan nirringrazzjaw lil Alla, imma nirringrazzajw ukoll lilek talli kkoperajt miegħu.

Inti llum erġajt sejjaħtilna biex inkunu Knisja missjunarja u fakkartna li aħna s-saċerdoti mibgħutin mhux biex nippreżentaw lilna nfusna, imma lil Dak li sejħilna fil-ħolqien għax Hu li Hu l-prinċipju ta’ kull ħajja, sejħilna waqt li iħenn għalina, sejħilna biex inkunu ambaxxaturi tal-ħniena tiegħu.

Itlob għalina biex fuq l-eżempju tiegħek, il-Kelma ta’ Alla nużawha bħala dawl u mhux bħala ġebel biex ingarawh lil xuxlin. Itlob għalina biex il-messagg tal-Evanġelju jkun messaġġ li jwassal il-ħelsien lil kull min hu mjassar, u mhux biex bih injassru lil min hu batut.

Itlob għalina.

Waqt li jiena personalment nirringrazzjak ta’ kemm tgħinni fil-ministeru li inti taf, għax ġarrabtu, hu kkumplikat u mhux faċli.

Jien nixtieq ukoll nawgura lil ħuk fl-ordni Dumnikan, l-Arċisqof George Frendo. Aħna nifirħu narawkom flimkien u nirringrazjawkom. Fil-bidu ta’ Diċembru kelli x-xorti li nżur il-Knisja fl-Albanija u d-djoċesi sabiħa mmexxija mill-Arċisqof George, iltqajt mal-missjunarji Maltin, inkluż id-Dumnikani li hemm fl-Albanija u s-Soċjetà tal-MUSEUM li qiegħda f’Korçë, u rrealizzajt li aħna bħala Knisja Maltija rridu nkunu kif għedtilna inti “missjunarji at home” u dak li naqsmu ma’ ħaddieħor ikun ġej minn dak li ngħixu aħna. Imma fil-persuna tal-Arċisqof George, nixtieq nirringrazzja wkoll lil tant missjunarji li taw ħajjithom biex ixandru l-Evanġelju ’l barra minn xtutna.

Eċċellenza Cremona, f’isimna lkoll nixtieq nagħti l-kondoljanzi lilek u l-familja tat-telfa ta’ Lino, qaddej fidil u veru. Aħna nafuh fil-Caritas għal ħafna u ħafna snin. Nafuh ukoll bħala persuna ta’ mħabba u prudenza kbira, ta’ ftit kliem u ħafna għemil. Intom tal-familja tafuh ħafna iżjed minna.

Agħtih o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jistrieħ fis-sliem, Ammen.

Aħna minn qalbna, lilek Eċċellenza u lil ħuk l-Arċisqof George, nawgurawlkom ad multos annos.

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading