Quddiesa f’Għawdex fi tmiem il-mandat tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 24 ta’ Marzu 2019: F’Dar Arka, Għajnsielem, fuq xewqa tal-E.T. Marie-Louise Coliero Preca, President ta’ Malta, saret quddiesa mmexxija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, bħala talba ta’ radd il-ħajr lil Alla fi tmiem il-mandat tagħha bħala President tar-Repubblika.

Fi kliem il-President, l-Ewkaristija hija ‘statement’ qawwi biżżejjed biex tesprimi x’hemm f’qalbha: hija trodd ħajr lil Alla u liċ-ċittadini ta’ pajjiżna. Hija qalet li l-Għawdxin jibqgħu f’qalbha u rringrazzjat lill-Isqof Mario li kien ta’ għajnuna għaliha matul il-Presidenza.

Fl-omelija tiegħu, l-Isqof fisser li Alla qatt ma jaqta’ qalbu mill-bniedem, ukoll meta Huwa jħobbu u dik l-imħabba ma tkunx reċiprokata. Alla xorta jibqa’ jħobb lill-bniedem u “jaħli” r-rożorsi tiegħu kollha sakemm il-bniedem jintebaħ kemm Alla jgħożżu.

L-Isqof radd ħajr lill-President għax hi wkoll qatt ma qatgħet qalbha mill-bniedem u mis-soċjetà tagħna. Nibqgħu niftakruha bħala dik li nqdiet bl-uffiċċju tagħha ta’ President biex tagħti t-tama lil ħafna li setgħu kienu qatgħu qalbhom.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading