Marija xhud tal-qawmien

Print Friendly, PDF & Email

Is‑Sibt, 20 ta’ April 2019: Sibt il‑Għid filgħaxija, l-Isqof Mario Grech mexxa l‑liturġija tal‑Vġili tal‑Għid, fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/611107188″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

Omelija fil-Lejl Qaddis tal-Għid – Fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria

MARIJA XHUD TAL-QAWMIEN

Il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt mhux xi teorija jew “thewwid”, imma ġrajja li seħħet fl-istorja u għadha sseħħ illum fil-ħajja tagħna – dejjem jekk meta Ġesù jħabbtilna, aħna ma nagħmlulux reżistenzi imma niftħulu. Il-Qawmien jikkonferma l-identità ta’ Ġesù li hu l-Iben ta’ Alla. Jekk nhar il-Ġimgħa l-Kbira Ġesù ħassu abbandunat mill-Missier, il-qawmien tiegħu huwa prova li l-Missier sema’ l-karba tiegħu. Għax kif jgħid Ġesù stess, “f’dak il-jum intom tagħrfu li jien f’Missieri” (Ġw 14:20).

Imma daqskemm il-Qawmien jitfa’ dawl fuq il-persuna ta’ Kristu, daqshekk ieħor jixgħel dawl fuq il-persuna ta’ Ommu Marija. Għax mill-fatt li l-ġisem ta’ Kristu Rxoxt huwa l-istess ġisem li ssawwar fil-ġuf ta’ Marija ta’ Nazaret, il-komunità Nisranija tal-bidu tgħallmet tqim lil Marija bħala Omm Alla.

Meta Kristu twieled mill-ġdid fil-qabar, il-Knisja tal-bidu bdiet tistaqsi kif dan Ġesù Rxoxt kien libes il-laħam fi ħdan Marija. Għalhekk, wara li seħħ il-qawmien, ir-Ragħajja tal-ewwel komunitajiet Insara bdew jgħidu: “Ejjew immorru Betlehem ħalli naraw x’ġara” (Lq 2:18). Bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, il-Knisja għarfet li fiż-żewġ mumenti – fit-twelid u fil-qawmien – kien hemm Omm Ġesù. Fil-fatt, għadd ta’ Missirijiet tal-Knisja, fosthom Massimu minn Turin (350-427) u Santu Wistin (354-430), jaraw xebh qawwi:
– bejn il-qabar ġdid (verġni) fejn difnu lil Ġesù, il-ġuf tal-qawmien, u l-ġuf verġni ta’ Marija fejn tnisslet il-ħajja;
– bejn il-faxex li fisqietu fihom Marija u l-faxex li fihom tkeffen Ġesù fil-qabar;
– bejn il-maxtura fejn Marija poġġiet it-tarbija u l-qabar fejn poġġew il-ġisem mejjet ta’ Ġesù;
– fil-qabar il-miraklu seħħ bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu (Rum 8:11) u l-istess Spirtu s-Santu niżel fil-ġuf ta’ Marija.

Li Marija kienet preżenti meta twieled Ġesù huwa rrakkontat fil-Vanġeli; imma fl-istess Vanġeli ma nsibu ebda ħjiel li Marija kienet preżenti dakinhar li Ġesù ħareġ mill-qabar. Romano Guardini jgħid li ma ntqal xejn dwar Marija f’dak il-mument biex Marija tibqa’ moħbija. Skont il-biblista D. Ambrogio, is-skiet tal-Vanġeli dwar Marija huwa skiet ta’ mistħija!

Hemm kunsens unanimu fost il-Missirijiet tal-Knisja u hija fehma komuni fost it-teologi li meta Ġesù qam mill-mewt, hu wera ruħu lil Marija Ommu qabel kulħadd. “Hija konvinzjoni tal-Knisja tal-Lvant li l-Verġni ma setgħetx tkun maqtugħa mill-privileġġ li kellhom in-nisa twajba u kienet hi l-ewwel waħda li rat lil Binha Rxuxtat”. It-teologu Biżantin Girgor Palamas, meqjus bħala dak li jħares it-tradizzjoni glorjuża tal-patristika Griega, jgħallem li “t-tħabbira tal-Qawmien tal-Mulej l-ewwel u qabel kulħadd, kif kien konvenjenti u ġust, saret lil Omm Alla. Kienet Marija li gawdiet il-familjarità divina tiegħu mhux biss għax rat b’għajnejha u semgħet b’widnejha, imma hi biss messet b’idejha r-riġlejn qaddisa tiegħu. L-evanġelisti ma qalux dan b’mod ċar biex ma jippreżentawx lil Marija bħala xhud tal-qawmien u hekk inisslu suspett f’dawk li ma jemmnux. Biex proprju tkun hi l-ewwel waħda, infetaħ il-qabar li minnu ħarġet il-ħajja. Kien minħabba fiha li l-anġlu għamel dak il-beraq, għax peress li kien għadu d-dlam, f’dak id-dawl hija setgħet tara mhux biss il-qabar vojt imma anki l-faxex mitnija”.

L-istess ħsieb insibu fil-Knisja Latina. Sant’Ambroġ (340-397) jafferma li Marija kienet l-ewwel persuna li emmnet fil-qawmien ta’ Kristu. San Ġirolmu (347-420) jgħid li wara li Ġesù tela s-Sema, Marija kienet titkellem max-xhieda tal-Qawmien u hi stess kienet l-ewwel xhud tal-Qawmien. San Idelfonsu minn Toledo (670-667) huwa ċert mit-teofanija tal-Mulej lil Ommu, xhud prinċipali tal-Qawmien. Huwa jikteb li “fil-ġisem glorjuż ta’ Kristu l-Omm fil-lejl tal-Għid għarfet id-dettalji tal-ġisem li ssawwar fil-ġuf tagħha verġni f’Betlehem”.

San Bernardinu jikkummenta li d-duluri li ġarrbet Marija, is-Sieħba tal-Feddej, kienu tant koroh u kbar illi jekk tqassamhom bejn il-bnedmin kollha tad-dinja dawn kollha jmutu sobtu; daqstant ieħor nistgħu ngħidu illi kieku kellna naqsmu bejn il-bnedmin kollha l-ferħ immens u li jisboq kull ferħ ieħor li għexet Marija meta rat lil Binha Ġesù Rxoxt, hawnhekk ukoll il-bnedmin kienu jmutu għax qalbhom tinqasam bil-ferħ!

F’manuskritt li jġib l-isem Il-Vanġelu sigriet ta’ Marija, li għalkemm instab fl-1884 nafu li kien f’idejn il-Missirijiet tal-Knisja, hemm djalogu tal-ġenn bejn Marija u San Ġwann. F’passaġġ minnhom Marija tirrakkonta hekk: “Kont nitlob u nibki, għarkupptejja ħdejn is-sodda, u għajni marret bija. Niftakar li kif ġara erbgħa u tletin sena ilu f’Nazaret, kien hemm xi ħadd fil-kamra u qajjimni. Kien billejl, imma kelli s-sensazzjoni li dawl tal-għaġeb idda madwari… Ma kellix ħtieġa nistaqsi min kien. Ma kelli ebda dubju. Kien hemm u kien Hu, jistennieni nqum. ‘Ibni’, għajjatt, u ntfajt f’dirgħajh. ‘Ma’, qalli, waqt li b’idu mellisli xagħri mħabbel. ‘Ma, tibżax. Għadda kollox. Ninsab mill-ġdid hawn, miegħek’. Imbagħad tani bewsa. Niżgurak, Ġwanni, li kien Hu – kienu dirgħajh, il-bews tiegħu, il-leħen tiegħu, il-karattru tiegħu. ‘Ma, irbaħna. Saflaħħar il-Ħażin ġie mirbuħ. Finalment il-mewt ġiet imwarrba. Ir-rebħa hija tagħna żgur. Int ukoll ħadt sehem fiha għax kont ħdejn is-salib mimlija fidi u tama. Dan ser ikun xogħlok għal dejjem: li tkun Omm kulħadd. Ħa mmur għand il-Maddalena u n-nisa l-oħra’”.

Filwaqt li qegħdin nifirħu għax Kristu qam mill-mewt, f’din is-Sena Marjana xtaqt nipproponilkom lil Marija bħala l-ewwel xhud ta’ din il-ġrajja. Fil-ħajja, anki fil-ħajja tal-Knisja tagħna, xi drabi l-blata tal-qabar tidher tqila ħafna biex ingerrbuha. Jixhidli Alla li jien, l-Isqof tagħkom, nagħmel ħilti biex ingerbeb din il-blata tqila ħalli l-Knisja tagħna ma tibqax qabar magħluq, biex ma nkunux Insara midfuna fid-dlam, l-għanqbut u l-moffa. Forsi għandna bżonn it-theżżiża li seħħet dakinhar li Kristu qam mill-mewt! Tħallunix waħdi. F’dan il-Għid ma nibżgħux nieħdu lil Marija għandna. Ir-riflessjoni dwar Marija tgħinna nkunu Knisja skont il-qalb ta’ Kristu Rxoxt.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading