L-Arċisqof jgħammed tmien adulti minn seba’ pajjiżi differenti


Is-Sibt, 20 ta’ April 2019: Illejla, waqt il-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ser jiċċelebra s-Sagramenti tad-Dħul fil-Ħajja Nisranija (Magħmudija, Griżma u Tqarbin) lil tmien katekumeni, jiġifieri persuni li f’età adulta jagħżlu l-ħajja Nisranija.

It-tmien adulti, li llejla b’dawn is-sagramenti ser isiru wlied Alla u membri ġodda tal-Knisja Kattolika, huma minn seba’ pajjiżi differenti: Malta, iċ-Ċina, l-Ungerija, Spanja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Russja u t-Turkija.

Matul ir-Randan, dawn il-persuni ltaqgħu mal-Arċisqof Scicluna bi tħejjija għal dan il-mument importanti f’ħajjithom. Waħda minn dawn il-katekumeni hi mara 43 sena li ġiet Malta sentejn ilu biex titgħallem l-Ingliż. Minkejja li trabbiet f’pajjiż Musulman, ommha, li hija Nisranija, għaddietilha t-tagħlim u l-valuri Nsara. Cristina dejjem kellha xewqa kbira li tħaddan il-fidi Nisranija. F’Malta ltaqgħet mas-sorijiet Dumnikani li introduċewha ma’ katekista mill-parroċċa ta’ Ħal Lija li qed takkumpanjaha f’din il-mixja ta’ fidi li ser twassalha biex issir membru ġdid tal-Knisja Kattolika.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid li tibda fit-8:00 p.m. tinkludi: it-tberik tan-nar li jsir fuq iz-zuntier tal-Konkatidral u jkompli bit-tħabbira tal-Għid; il-qari ta’ siltiet mill-Kotba Mqaddsa u l-kant tal-Glorja; it-tberik tal-ilma, meta l-blandun mixgħul minn nar imbierek fuq iz-zuntier jiddaħħal fl-ilma; u l-liturġija tal-Ewkaristija.

Bl-ilma mbierek jitgħammdu l-katekumeni li jirċievu wkoll il-Griżma tal-Isqof biż-żejt tal-Griżma li ġie kkonsagrat nhar Ħamis ix-Xirka filgħodu. Waqt l-istess Vġili, l-imgħammdin ġodda jirċievu t-Tqarbin. Fil-Knisja Kattolika dawn is-sagramenti huma l-pedament li fuqhom tinbena l-ħajja tal-membri tagħha u li jħejju t-triq għas-sagramenti l-oħra.