Ġesù jrid li l-Insara jkunu magħquda


44. L-Erbgħa wara s-Seba’ Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Missier qaddis, ħarishom f’ismek dawk li inti tajtni, biex ikunu ħaġa waħda bħalna (Ġw 17, 11).

Aħna l-Insara nemmnu f’Alla fi tliet persuni; jiġifieri l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. It-tliet persuni huma ndaqs u komunità ta’ mħabba u ta’ għaqda. It-Trinità hija għaqda ta’ mħabba perfetta f’Alla wieħed.

Hawnhekk Ġesù qiegħed jitlob biex is-segwaċi tiegħu jżommu l-għaqda ma’ xulxin u jħobbu lil xulxin. Iżda fil-Knisja sa mill-bidu nett kien hemm it-tilwim u kien hemm min ma kienx joqgħod għall-awtorità tal-Appostli.

Kif it-Trinità hija waħda jiġifieri hemm Alla wieħed biss, il-Knisja ta’ Kristu hija waħda wkoll. Fil-Kredu nistqarru l-fidi fi Knisja waħda, qaddisa, Kattolika u Appostolika. Iżda matul is-sekli nibtu l-firdiet u flok Knisja waħda nħolqu diversi Knejjes u denominazzjonijiet. Din is-sitwazzjoni żgur li mhix skont il-qalb ta’ Kristu.

Illum il-Knisja qiegħda tippromwovi ħafna l-ekumeniżmu. Qiegħed isir djalogu ma’ ħutna Nsara mifruda minna, flimkien ma’ talb għall-għaqda tal-Knejjes. L-Ispirtu ta’ Ġesù jaħdem ħalli jkun hawn l-għaqda fost l-Insara. Din mhix xi ħaġa faċli iżda ma għandniex naqtgħu qalbna. Il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu hija kbira tant li aħna lanqas nistgħu nimmaġinawha.

Fuq kollox nistgħu nixtiequ l-għaqda fost l-Insara, iżda fl-ambjent fejn inkunu flok noħolqu l-paċi noħolqu l-firda. Għalhekk għandna nagħmlu minn kollox kull fejn inkunu biex intaffu l-firdiet u nkunu persuni li nġibu l-għaqda.

Nistgħu napplikaw ukoll dan il-vers ta’ Ġesù għall-familja. Jekk ikun hemm l-imħabba fil-familja jkun hemm l-għaqda. Kif it-Trinità hija komunità ta’ persuni divini, hekk ukoll il-familja hija komunità ta’ persuni. U jekk fil-familja ma jkunx hemm l-għaqda, il-membri kollha sejrin ibatu. Għax kif inkantaw: “Fejn hemm l-imħabba u l-għaqda hemm tgħammar Int, Mulej!”

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.