Martin Luteru: ir-riformatur li jibqa’ mfakkar


Nhar il-Ġimgħa, 26 t’April 2019, fis-7.00pm, fis-sala tal-Kunvent ta’ S. Wistin fir-Rabat Għawdex, ittellgħet lejla tabilħaqq interessanti li matulha ġie mniedi l-volum ta’ Patri Salvinu Caruana, Agostinjan, “Jien s’hawn nista’” Martinu Luteru. Riforma jew riforma? Provinċja Agostinjana, Malta, 2018, 484p.

F’din il-lejla, kif kien hu xieraq, sar apprezzament ta’ ktieb kapolavur dwar Martin Luteru bl-ilsien Malti. Il-Professur Mons. Hector Scerri, il-Viċi-Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta’ Malta, fisser din il-kitba tal-professur emeritu tal-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta’ Malta, l-Agostinjan Patri Salvinu, bħala volum, iktar milli sempliċi ktieb. Skont Mons. Scerri dan il-volum mela vojt li kien hawn fil-letteratura reliġjuża Maltija u Għawdxija dwar dan is-suġġett li jibqa’ dejjem attwali.

Li taqtagħha li tikteb ktieb dwar ir-raħeb ta’ Santu Wistin, il-Ġermaniż Martinu Luteru (1483 – 1546), tul din is-sena taċ-ċelebrazzjonijiet tal-500 sena mir-Riforma, mhux taċ-ċajt. Anzi! U biex inkunu għednieha kif inhi: tkun qed tistedinha bil-kbir! Dan l-għaliex, minbarra l-fatt li ssib ruħek tgħum f’baħar bla qiegħ ta’ kitba dwaru taf ukoll tkun qiegħed tiġbed għal fuqek dwal mill-iktar qawwija. Barra minhekk taf ukoll li l-kitba li titkeb tasal biex tgħaddi minn għarbiel li t-toqob tiegħu mhux dejjem ikunu xorta. Ta’ xi wħud kbar iżda t’oħrajn mill-idjeq. U li kważi xejn ma jgħaddi minnhom.

Hu x’inhu l-każ il-Professur Patri Salvinu Caruana, Agostinjan, għalkemm kien jaf sewwa b’din l-isfida xejn faċli li kellu quddiemu, ta’ skular tassew li hu xorta waħda xammar idejh, u, b’qalb u b’moħħ miftuħin beraħ, daħal b’ruħu u b’ġismu għal biċċa xogħol kbira bħal din. Personalment ma ninsa qatt is-snin ta’ riċerka li dan il-ktieb ħadlu biex, fl-aħħar, wasal għall-pubblikazzjoni. Imżejjen bil-ħila li tah l-Imgħallem u l-Feddej, fi ftit kapitli, Patri Salvinu seħħlu jagħti ħjiel tad-dinja li ssawwret ftit t’għexieren ta’ snin qabel deher fuq wiċċ din l-art Martinu Luteru. Jiġifieri, b’reqqa liema bħalha seħħlu jagħti ħjiel tal-qagħda tal-Ewropa, tal-Ġermanja, tal-Knisja Kattolika, u kif ukoll tal-Ordni tal-Irħieb ta’ Santu Wistin, fis-sekli 15 u 16. Wara li seħħlu jsawwar dawn l-irqaqat kollha tal-ħajja ta’ Luteru, Patri Salvinu fassal tliet kapitli fejn fihom ta ħjiel ta’ x’fissru r-Riforma, il-Kontro-Riforma, u l-Konċilju ta’ Trentu. F’erbgħa żidiet, Patri Salvinu daħal fl-irqaqat tat-tifsira tal-95 Teżi ta’ Luteru, ta’ Luteru u l-Lhud, ta’ Luteru u l-Anabattisti: riforma fir-Riforma; u ta’ Luteru u t-Torok. Patri Salvinu, fuq l-eżempju ta’ Missieru Santu Wistin, fassal ukoll Retractatio, jiġifieri għamla ta’ stqarrija.

Luteru jibqa’ imniżżel fl-istorja bħala l-bniedem mill-iktar mistħarreġ. Fil-fatt jibqa’ personaġġ fost dawk il-ftit li, fuqu, tant u tant inkiteb dwarhom fil-ġrajja tal-Kristjaneżmu in ġenerali, u anki tal-politika reliġjuża ġewwa Art Twelidu, il-Ġermanja, fil-qafas Ewropew. Fi ftit kliem, meta tikteb fuq Luteru trid iżżomm quddiem għajnejk li tkun qiegħed tikteb dwar bniedem li, fit-testment tiegħu tas-sena 1542, stqarr dwaru nnifsu li issa kien sar mill-iktar magħruf: fis-sema, fl-art, imma wkoll fl-infern!

Aktar mar-riforma bdiet tiżviluppa Luteru beda jitqiegħed fid-dawl ta’ ħellies tal-poplu Ġermaniż mit-tjassir ta’ Ruma u l-papat. Tant hu hekk li beda jitqies fid-dawl ta’ dak li ġab il-ħelsien tal-kuxjenza mjassra u mwerwra minn għadd ta’ miti u biżgħat. Ħafna jista’ jitfisser u jinftiehem aħjar dwar il-persuna u l-moħħ ta’ Luteru, fid-dawl tal-atmosfera ta’ qtigħ il-qalb li kienet issaltan fis-seklu ħmistax, l-iktar minn dak ta’ kemm kien qrib tmiem id-dinja. Hu fatt li ħadd ma jista’ jiċħdu li Erażmu ta’ Rotterdam, u xi oħrajn ta’ żmienu, għadda, ftit jew wisq, minn dan kollu. Biss, u kuntrarju għal dak li għamel Matrin Luteru, Erażmu u l-kumpanija baqgħu fidili lejn il-Knisja Kattolika.

Patri Salvinu kiteb li sakemm kien għadu ħaj Martinu kien hemm min deherlu li kien bniedem kbir u qaddis. Saħansitra kien hemm min ikkunsidrah ukoll bħala bniedem mibgħut minn Alla sabiex itejjeb u jsaffi l-Knisja. Madankollu kien hemm min rah f’dawl għal kollox differenti minhekk ukoll. Għal uħud Martin Luteri ma kien xejn għajr bniedem mibgħut mix-xjaten tal-infern sabiex ifarrak u jeqred il-Knisja. Imqar dwar il-karattru tiegħu hemm għaddejja kontroversja sħiħa! Hemm min sostna li kien dħuli, qalbu tajba, u ċajtier. Filwaqt li skont uħud Martin Luteru kien ta’ min jisħtu l-għaliex kien bniedem kburi, wiċċ sfieq, makakk, wikkiel u rozz għall-aħħar! Fl-ilsien Malti baqa’ t-titlu ta’ supperv bħal (daqs) Luteru! Iżda fejn qiegħdha s-sewwa dwaru?

Fl-għeluq tal-ktieb, Patri Caruana żamm ukoll quddiem għajnejh il-fatt li llum kemm il-Protestanti qegħdin jintebħu li Luteru wettaq żbalji tiegħu, u, fl-istess nifs, anki l-Kattoliċi qegħdin jintebħu dwar ir-rejaltà li mhux dejjem ingħatat l-istampa kollha tiegħu. U dan hu dovut għall-għadd kbir ta’ dellijiet koroh għall-aħħar li hemm fuqu. Hu għaldaqstant wara li wieħed ikun ta daqqa t’għajn sewwa lejn kitbietu, kliemu, u tagħlimu, li qajl qajl ikun jista’ jiżen aħjar dak li nkiteb dwaru tul il-ġrajja ta’ dawn l-aħħar 500 sena.

Wara d-diskors tal-Professur Mons. Hector Scerri, il-WR Patri Leslie Gatt, Provinċjal tal-Agostinjani, f’diskors qasir, feraħ u radd ħajr lil Patri Salvinu mhux biss għat-tagħlim fil-korsijiet li jsiru kull sena ġewwa l-Istitut Agostinjan, li bis-saħħa tagħhom qiegħed idawwal l-imħuħ ta’ għadd kbir minn fost ħutna l-Maltin, imma wkoll għall-għadd kbir ta’ kitbiet li bihom Patri Salvinu qiegħed jaqdi fedelment il-missjoni ewlenija fi ħdan il-Provinċja Agostinjana Maltija. Jiġifieri, dik li jxerred kemm jiflaħ il-kitbiet, il-ħsieb u l-ispiritwalità ta’ Santu Wistin. Wara ngħata riċeviment għal dawk kollha preżenti.

Akkwista koppja tal-ktieb Jien s’hawn nista’” Martinu Luteru. Riforma jew riforma? miktub minn Patri Salvinu Caruana Agostinjan.

Patri Mario Attard OFM Cap

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.