Ġesù jaħtar lil San Pietru bħala kap tal-Knisja


44. Il-Ġimgħa wara s-Seba’ Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Irgħa n-nagħaġ tiegħi (Ġw 21, 17)

Din hija silta qasira li tfisser ħafna. Jekk neħduha fil-kuntest naraw li Ġesù staqsa lil San Pietru għal tliet darbiet jekk iħobbux. Għall-ewwel tweġiba fl-affermattiv, Ġesù qallu biex jieħu ħsieb il-ħrief tiegħu. Għaż-żewġ mistoqsijiet oħrajn jekk iħobbux, meta Pietru wieġeb fl-affermattiv mill-ġdid, Ġesù qallu biex jirgħa n-nagħaġ tiegħu.

Mhux ta’ min jinsa li din il-ġrajja seħħet wara l-qawmien minn bejn l-imwiet ta’ Kristu. U għalhekk issa l-istess Ragħaj it-Tajjeb li ta ħajtu għan-nagħaġ tiegħu fuq is-salib, qiegħed jerħi l-Knisja li huwa waqqaf f’idejn San Pietru. Fl-istess ħin iħabbarlu li bħalu kellu jgħaddi mit-tbatija: “ ‘Tassew, tassew ngħidlek, meta kont aktar żagħżugħ kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid; imma meta tixjieħ, tmidd idek u ħaddieħor iħażżmek u jmexxik fejn ma tridx.’ Dan qalu biex ifisser b’liema mewt kellu jsebbaħ lil Alla” (Ġw 21, 18-19).

Ġesù ta din is-setgħa ewlenija lil San Pietru biss. Kristu ried li Pietru, bħala kap tal-Knisja, ikollu wkoll is-suċċessuri biex ikomplu l-missjoni li huwa stess fdalu. Il-Konċilju Vatikan I jgħidilna: “Dak li Kristu, prinċep tar-ragħajja u ragħaj kbir tal-merħla, għas-salvazzjoni eterna u għall-ġid dejjiemi tal-Knisja, waqqaf fl-Appostlu Pietru, għandu jkompli, skont ir-rieda ta’ Kristu, fil-Knisja, li hija mwaqqfa fuq blata, u tibqa’ sħiħa sat-tmiem tas-sekli.” (Pastor Aeternus, 2: DS., 3056).

Il-Papa huwa l-kap tal-Knisja. Kif kull organizzazzjoni li hawn fid-dinja hemm min imexxiha, hekk ukoll l-Knisja għandha l-kap tagħha wkoll. Iżda s-setgħa li ta Kristu lil San Pietru mhijiex biex isaltan fuq l-oħrajn iżda biex iħarreġ din l-awtorità fi spirtu ta’ qadi. Infatti l-Papa għandu t-titlu ta’ Servus Servorum Dei, jiġifieri “Qaddej tal-qaddejja ta’ Alla.” L-ewwel Papa li uża ħafna din il-frażi kien San Girgor il-Kbir.

Mela anki l-Papa huwa qaddej, anki jekk hu kap tal-Knisja. Għax kull “Nisrani” veru għandu jkun qaddej, bħalma Kristu qal għalih innifsu: “Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mk 10, 45).