Id-djanjosi ta’ qabel it-twelid mhix skuża għall-abort


Il-Papa Franġisku kellem lil-parteċipanti ta’ konferenza li saret fil-Vatikan bit-tema: “Iva għall-ħajja! – Il-kura tar-rigal preżżjuz tal-ħajja u d-dgħufija tagħha”

Id-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja flimien mal-Fundazzjoni “Il-qalb f’taqtira”, li taħdem biex tilqa’ u tagħti dinjità lit-trabi kollha li jitwieldu f’kundizjonijiet ta’ saħħa estremi, organizzaw dil-konferenza. Fid-diskors tiegħu l-Papa qal li kull tifel/tifla huma rigali li jibdlu l-istorja ta’ familja. Għalhekk kull wild għandu jkun milqugħ, maħbub u kkurat.

Franġisku tkellem dwar it-teknika moderna tad-djanjosi ta’ qabel it-twelid li tista’ tikxef jekk fit-tarbija hemmx xi malformazzjoni jew marda, sa mill-ewwel ġimgħat tat-tqala.  Il-Papa żied jgħid li t-trabi fil-ġuf li għandhom xi kundizzjoni medika jridu jitqiesu bħala “pazjenti ċkejknin”.

Lit-tobba l-Papa qalilhom li r-rwol tagħhom hu li jibnu realzzjoni u jimpenjaw ruħhom biex isibu soluzzjonijiet li jirrispettaw id-dinjità ta’ kull ħajja umana.  Dan hu importanti partikolarment fil-każ tat-trabi li forsi jistgħu jmutu malli jitwieldu.

Il-kura ta’ dawn it-trabi, issokta jgħid Franġisku, tgħin lill-ġenituri fil-proċess tat-telfa għax it-tarbija xorta waħda tibqa’ parti minn ħajjithom għal dejjem.

It-tweġiba għal dawn il-kundizzjonijiet qatt ma għandha tkun l-abort għax il-ħajja umana hi sagra u invjolabbli.

Franġisku temm billi radd ħajr lil dawk il-familji, ommijiet u missirijiet li laqgħu fi ħdan il-familji tagħhom tfal b’diffikultajiet u li issa qed jgħinu u jissapportjaw familji oħra.  “Ix-xhieda ta’ mħabba tagħkom”, qalilhom il-Qdusija Tiegħu, “hi rigal għad-dinja kollha”.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija