Il-Papa appella biex nitobu għas-Sudan


Il-Papa Franġisku appella għal talb għas-Sudan ilbieraħ waqt ir-Regina Coeli hekk kif qal li l-aħbarijiet li qed jaslu mill-pajjiż huma ta’ dieqa u tħassib. Huwa ħeġġeġ għat-talb għal dan in-nazzjon sabiex tieqaf il-vjolenza u li jinstab il-ġid komuni permezz tad-djalogu. Is-Sudan bħalissa jinsab fl-eqqel ta’ kriżi politika wara li l-qawwiet tas-sigurtà fetħu n-nar fuq protestanti favur id-demokrazija fil-kapitali Khartoum fejn inqatlu aktar minn mitt ruħ.

sudan.jpgRappreżentanti tal-protestanti kienu f’taħdidiet mal-militar dwar min se jieħu l-kontroll wara t-tneħħija tal-President Omar al-Bashir.

Il-Papa fakkar ukoll iċ-ċelebrazzjoni ta’ radd il-ħajr li saret fi Krakovja, il-Polonja għall-Beatifikazzjoni ta’ Michele Giedroyc. Huwa qal li dan l-avveniment huwa ta’ inkoraġġiment għall-poplu tal-Polonja u l-Litwanja biex isaħħu l-għaqda bejniethom f’sinjal ta’ fidi u venerazzjoni għall-Beatu Michele li għex fi Krakovja fis-Seklu Ħmistax u huwa mudell ta’ umiltà u mħabba evanġelika.

Il-Papa Franġisku temm ir-Regina Coeli billi rringrazzja lill-ħafna pellegrini mill-Italja u minn madwar id-dinja li kienu fi Pjazza San Pietru biex jiċċelebraw Pentecoste fil-Quddiesa tal-bieraħ. Huwa ħeġġeġ lil kulħadd biex jinfetaħ bi ħlewwa għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu u joffri lid-dinja xhieda ta’ għadd ta’ kariżmi u x-xbieha ta’ fraternità u komunjoni.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija