Għemmaws hija ġrajja u ikona


Qegħdin fit-triq li minn Ġerusalemm twassal lejn Għemmaws, belt li l-lokalità eżatta tagħha spiss kienet kwestjoni ta’ kontroversja.  Madankollu għall-għan ta’ din ir-riflessjoni tagħna, il-ġeografija tal-post mhix daqstant importanti għaliex il-ġrajja li seħħet hemm ma tistax tkun iżolata fiha nfisha, la f’kuntest ta’ spazju u wisq anqas f’kuntest ta’ żmien.

Il-fatt li r-rakkont mogħti lilna minn Luqa (24:13-35) iseħħ dakinhar tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, kif ukoll minħabba li bosta aktarx jisemgħuh jinqara u forsi jkollhom l-oppurtunita li jirriflettu dwaru biss fil-jiem tal-Għid il-Kbir, allura jista’ jwassalna biex naħsbu li din hija sempliċiment ġrajja ħelwa li l-lituġija tfakkarna f’dan iż-żmien tas-sena. Spiss aktarx jiġrilna l-istess dwar il-ġrajjiet tan-natività jew tal-passjoni, il-mewt u qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù.

Mhux biss esperjenza personali taż-żewġ dixxipli

Aktarx naħsbu li dak li għaddew minnu Kleofa u d-dixxiplu l-ieħor jew l-oħra, kienet biss esperjenza personali tagħhom u allura, minkejja li din hija mwassla lilna minn test bibliku li huwa divinament ispirat, nistgħu nagħmlu l-iżball li f’moħħna nittimbraw il-ġrajja bħala xi rivelazzjoni privata li ftit li xejn għandha rilevanza għalina, speċjalment illum li għaddew elfejn sena.

Għemmaws hija tassew ġrajja li l-ewwel komunità nisranija kollha għexet f’dawk il-jiem ta’ Ħadd il-Għid.  Imma aktar minn hekk l-esperjenza li ż-żewġ dixxipli kellhom ma’ dak “il-barrani” saret għall-Knisja kollha bħal ikona li lejha ħarset u fuqha fasslet il-mixja tagħha mat-toroq kollha tad-dinja fejn il-Mulej Ġesù bagħatha biex bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu twassal l-Aħbar it-Tajba.

Għalhekk dan l-episodju taż-żewġ dixxipli li seħħ f’Jum il-Qawmien, huwa tassew ġrajja paskwali mwettqa fil-komunità kollha minn Kristu Rxoxt nnifsu u msaħħaħ bid-deħriet l-oħra tiegħu wara l-qawmien.  Imma barra minn hekk Għemmaws hija wkoll esperjenza pentekostali, għaliex minkejja li biex jissawwbu l-ilsna tan-nar fuq id-dixxipli kien għad fadal jgħaddu ħamsin jiem ieħor, madankollu sa minn dak il-mument stess fuq it-triq ta’ Għemmaws, id-dixxipli kienu diġà bdew jħossu f’qalbhom it-tħeġġiġ tal-Ispirtu mwassal lilhom bit-tħabbir tal-kelma minn dak “il-barrani”.

Għemmaws illum

Aktar minn sempliċi episodju iżolat f’termini ta’ spazju u ta’ żmien, Għemmaws hija ġrajja li tiżvolġi fi tnejn u ħamsin kapitlu, wieħed għal kull ġimgħa tas-sena.  Hija esperjenza mhux biss mgħixa madwar il-mejda ewkaristika waqt kull ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Mulej, imma wkoll madwar l-artal domestiku ta’ kull familja nisranija, fejn l-omm u l-missier, ministri tal-Knisja permezz tas-Sagrament taż-Żwieġ jaqdu lil xulxin, itennu l-barka u jaqsmu l-ħobż bejniethom u ma’ uliedhom.

Fil-ġrajja ta’ Għemmaws nilmħu bħal ikona li sseħħ kuljum fit-toroq kollha tal-ħajja tagħna, toroq li fiħom trid tissawwar u tissaħħaħ il-kultura tal-laqgħa, kemm ma’ dawk il-persuni li nafu u kemm ma’ dawk li għadna nqisuhom bħala, “il-barranin”.

Għemmaws hija l-ġrajja ta’ kull komunità nisranija ta’ kull żmien.  Hija l-ikona li fuqha mhux biss id-djoċesi u l-parroċċa jridu jiddixxernu, imma wkoll l-għaqdiet u l-movimenti, il-kunsilli u l-kummissjonijiet, l-istituzzjonijiet edukattivi, is-sacerdoti, dawk f’ħajja kkonsagrata, l-operaturi pastorali lajċi, u fuq kollox il-familji nsara, li huma l-Knisja tad-dar.

Għemmaws hija l-ġrajja li seħħet tassew elfejn sena ilu lil tnejn mid-dixxipli, li minkejja li kienu qed jitbegħdu mill-komunità taċ-Ċenaklu, madankollu Kristu nnifsu ma ddejjaqx jidħol fosthom, ikellimhom u jimxi magħhom.  Imma Għemmaws hija wkoll l-ikona li timbotta lill-kumunità nisranija, li tagħha llum aħna membri jiena u inti, biex toħorġ fit-toroq tal-ħajja u timxi ma’ dawk li qegħdin jitbeghdu.

U dan irridu nibqgħu nagħmluh anke jekk spiss lilna wkoll jibdew iqisuna bħala, il-barranin li ma jafux x’qed jiġri madwarhom fid-dinja tal-lum.

joe farrugia