Bid-dawra!


Paqqa ħbieb m’għandix! Jien Patri! U wieħed sempliċi! Għalhekk, imqanqal mill-eżempju ta’ missieri fl-Ispirtu s-Santu, San Franġisk, jien irrid nivvjaġġa. Bħalu! U nivvjaġġa l-ħin kollu. Bħalu! U mhux maqful fil-kunvent tal-ġebla, it-tikħila u l-konkrit. Bħalu! Imma rrid niġri u nterraq fil-kunvent tad-dinja! Bħalu! Għax hu fuq l-eżempju ta’ Ġesù ried li jimxi! Għalhekk għażel li jkun, bħalu! U, biex bħal donnu din il-biċċa xogħol nissokta ndaħħalha ġo rasi, il-Mulej issa ipprovdhieli lill-Papa Franġisku li din il-ħin kollu ifakkarhieli! O Papa Franġisku!

Iva ħbieb! Għedtilkom diġà! Minix le Patri li għandu l-paqqa privata tiegħu. Imma nivvjaġġa. U, il-vjaġġi tiegħi, jitfgħuni niġri man-nies. In-nies! L-ikoni ħajjin tal-Mulej! It-twieqi tad-demm u l-laħam li lili, il-Patri, joħduni fil-ħajja ta’ dejjem minn issa. U ġieli, għodu għodu, meta mmur mill-isptar sal-kunvent, inkun irrid naqbad tal-linja. Bin-nies jikkjujaw biex jirkbu! Issa dan, s’issa, bil-flus! Aħseb u ara mela x’se jkun hawn meta, minn hawn u ftit snin oħra, mela fil-futur qarib, se jiġu b’xejn! Kemm se jikber il-kju! Intant …

Inkun qed nistenna l-karozza bħal dik ir-ruħ tal-purgatorju! Kollu santu ċajt! Inkun irrid nasal dik il-ħarira kmieni l-kunvent. Biex nieħu dik il-kikkra kafè. Jew, dan l-aħħar, għax issa tajtha bħalma, Alla jaħfirlu, kien jagħmel nannuwi Pupol, kif konna nsibuh bil-Malti djalettali, inkun rrid nitfa’ dik in-naqa’ cappuccino tal-pakkett fl-iskutella l-kannella. Dik l-iskutella li qiegħdha, eżattament, fis-sideboard antik faċċatta tal-fridge! Ommi Mà kemm inħobbha din l-iskutella! U, ħa ngħidilkom, jekk Santa Tereża ta’ Ġesù kienet qabżithomlu xi naqra lil Ġesù l-għaliex intrabtitlu ma’ pjanta ngħid li anki jien inqabbiżhomlu xi ftit ukoll l-għaliex intrabattlu mal-iskutella! Dik li fiha nieħu dak il-kafè ħelu u li jgħaxxaq! Schuisito! all’Italiana. U li jinżilli sal-qiegħ nett ta’ dak li jien!

Imma ħej, sabiex nasal għal dan l-elysium, irrid ngħaddi mill-purgatorju. L-għaliex, il-karozza li nkun qed nistenna mhux dejjem tiġini. U allura jkolli naqbad l-ewwel waħda li titfaċċali. U liema waħda tiġi quddiem wiċċi ħbieb? Dik li toħodha bid-dawra!

Għall-ewwel kont nonfoħ xi tnejn meta l-karozza li kont inkun irrid jien ma tiġix mill-ewwel. Kollu santu ċajt! Tkun qed tistennieha! Qisni r-ruħ tal-purgatorju! Iżda mbagħad, l-Imgħallem, beda jurini xorta oħra. Mar! Ħallik mir-rabja u l-infieħ! Għax dawn qajla jħallulek qliegħ! jgħidli dejjem, fija nnifsi, il-leħen ħlejju u misterjuż. Iva Mulej! Allura x’nagħmel? Dlonk ifajjarhieli t-tweġiba t-twajjeb Ġesù! Int daħħal naqra idek fil-but taċ-ċoqqa?

U, wara dik l-istedina-ordni, jien ma jifdalli xejn għajr, kutu kutu, indaħħal idejja fil-but taċ-ċoqqa. U x’jitla’? Xi nħoss? Iż-żibeġ! Il-ħabel! Is-salib! Id-domni mwaħħlin magħha! Ohhh! Il-kuruna! Mela ibda’ żebbeġ Patri! U żebbeġ kemm tiflaħ għal min il-Mulej jurik li għandek iżżebbeġ!

Ibda’! Isa! Għax issa ż-żmien dejjem għaddej! U ma jistenna lil ħadd u lil xej! U jien, imqanqal minn dawn il-kelmiet ħelwien tal-kanzunetta, li turi kemm ir-ruħ u l-qalb Maltija hija, tabilħaqq, għaqlija, nibda’ iva inżebbeġ. U, waqt it-traġitt, nibda’ nisma’ l-avviżi. Mhux parrokkjali tafux! U lanqas dawk ċivili! U, wisq anqas, tal-gvern! Imma dawk tal-karozza tal-linja. Li, minn stazzjon għall-ieħor, it-tape jibda’ iħabbar fejn se nkunu se nieqfu.

Bid-dawra! Bħalma bid-dawra saru subgħajja. Li issa jibdew jiġru mal-korsa. Liema korsa hi ferm u ferm akbar minn dik li ssir tal-Prix de France. Jiġifieri dik tal-erbat elef metru! Din hija korsa li ddur. U iddur. U tibqa’ iddur. Bħalma iddur iva l-karozza tal-linja. Li fiha nkun riekeb.
Mela, dawret il-korsa tat-talb, li jmiss il-qalb, tlaqqagħni ma’ ħafna nies. Nibda’ minn ħuti l-patrijiet. Bil-bżonnijiet veri tagħhom u li l-Mulej biss jafhom. U, meta nsemmi lill-patrijiet, ovvja li jidħlu fix-xena l-Papa, l-isqfijiet u l-qassisin ukoll. U, wara li ndur din il-korsa, tibda’ it-tieni dawra. Jiġifieri dik għall-familji, għaż-żgħażagħ, għat-tfal, għal min iħossu waħdu u tħossha waħedha u għal ħutna l-anzjani. Imma, u qabel dawn, dejjem indaħħal lill-benjamini tiegħi, lil ħuti l-morda. U kemm hawn bżonn bħalissa! Veru? Kull min tisma’ marid b’xi ħaġa! Kemm jinħtieġu talb ħutna l-morda ħbieb! Mela ejja isa! Ejja ħa nitolbu flimkien għalihom!

Id-dawra tal-karozza tibda’ iva toħodni f’postijiet fejn, ta’ tifel ċkejken, ma’ djul ommi u ħuti l-bniet li kienu joħorġuni, tant kont nieħu ġost immur. Għalhekk iva, waqt li l-karozza tallinja tkun qed iddur talbi jkun qed idur lejn dawn in-nies li, illum, ħafna minnhom, m’għadhomx aktar magħna. L-għaliex raqdu fil-Mulej. Xi storja ta’ qlubija kienet ħajjithom! Kemm ħabbew! Kemm għamel ġid bihom il-Mulej! U, ħa ngħidilkom, dak hu li sabu tafux! Mela ħa nissokta ndur lejn il-Mulej! B’qalbi kollha! U nibqa’ inħallih jagħmel ħemel ġid bija!

Din li ndur lejn il-Mulej qed tkakkarni f’sentenza tassew ħelwa li kien qal il-Patri Ortodoss mis-Serbja, Taddew minn Vitnovica: Bil-għajnuna tal-Mulej aħna nistgħu nagħmlu kollox. Kollox. Meta nduru lejn il-Mulej b’qalbna kollha. Ħa nduru mela lejH ħbieb! Ħa nħalluh jaħdem fina! Għax, it-tidwira tiegħu ma tistordix imma iġġibna f’sensina! It-tidwira tiegħu terġa’ titfagħna fejn suppost qiegħdin! Fil-ħajja tiegħu! Għax, u fil-verità, ħajtU ħajjitna!

U dan hu tassew li nħoss issa kull darba li nitla’ l-karozza tal-linja li toħodni bid-dawra lejn il-kunvent!

Patri Mario Attard OFM Cap