Il-Papa wera sogħba għall-mewt ta’ missier u bintu li għerqu


Il-Papa Franġisku wera sogħba għall-mewt ta’ missier u bintu ċkejkna li għerqu meta kienu qed jippruvaw jaqsmu xmara biex jaqsmu mill-Messiku għall-Istati Uniti. Ir-ritratti tal-missier u l-bint bħalissa qed jidhru fuq il-midja soċjali u nisslu dieqa kbira f’dawk li qed jisimgħu b’din il-ġrajja.

martinez dead

Oscar Alberto Martinez Ramirez, ta’ 25 sena u bintu ta’ sentejn Valeria, immigranti minn El Salvador, għerqu fix-Xmara Rio Grande nhar il-Ħadd hekk kif kienu qed jippruvaw jaqsmu għall-Istati Uniti.

martinez familyMart u omm il-vittmi qalet li l-familja kienu qed jittamaw li jitolbu ażil mill-awtoritajiet Amerikani iżda żewġha ddeċieda li jaqsam ix-xmara xħin sar jaf li l-proċess seta’ jieħu ġimgħat sħaħ biex jinbeda. Huwa qasam ma’ bintu u ħallieha fuq ix-xatt Amerikan sakemm imur għal martu iżda t-tifla marret lura fl-ilma warajh u nġarru t-tnejn li huma mill-kurrent.

Għexieren ta’ nies diġà mietu din is-sena huma u jippruvaw jaqsmu din ix-xmara. Ftit tal-jiem ilu żewġt itfal żgħar u mara nstabu mejta minħabba s-sħana qrib il-fruntiera bejn il-Messiku u Texas.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija