Il-Papa Franġisku fakkar matul l-Udjenza Ġenerali tal-bieraħ wara l-katekeżi tiegħu dwar l-Atti tal-Appostli li nhar il-Ġimgħa niċċelebraw is-solennità tal-Qalb l-aktar Imqaddsa ta’ Ġesù.
Skont il-kalendarju liturġiku tal-Knisja Kattolika Rumana, il-Festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù tiġi dejjem nhar ta’ Ġimgħa, dsatax-il jum wara Għid il-Ħamsin. B’dan il-ħsieb il-Papa stieden lil kulħadd biex inħarsu lejn il-Qalb ta’ Ġesù u nimitaw l-aktar sentimenti veri tagħha.
Kulħadd għandu jitlob għas-saċerdoti kollha u għall-ministeru tal-Papa sabiex kull azzjoni pastorali tkun immarkata b’dik l-imħabba li Kristu għandu għal kull persuna.
Għal din l-okkażjoni Malta u Għawdex ser jissieħbu ma’ madwar 250 lokalità minn aktar minn 100 pajjiż mid-dinja kollha biex jitolbu r-Rużarju fl-okkażjoni tal-10 sena tal-Global Rosary Relay. Ir-Rużarju minn pajjiżna ser isir mis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù f’Ħaż-Żebbuġ (7.30 am), mis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu fl-Għarb (1.00 pm) u mis-Seminaristi (5.00 pm).
Tista’ ssegwi minn din il-paġna tal-Laikos … http://www.laikos.org/grr.htm
Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Radju Marija