Il-Papa aktarx imur l-Iraq is-sena d-dieħla


Il-gvern Iraqqin neħħa l-embargo minn fuq parti mill-flus li kienu ffriżati biex iħejji għal żjara li possibbilment il-Papa Franġisku jkun jista’ jagħmel f’dal-pajjiż lejn tmiem is-sena 2020.  Il-flus se jintużaw biex jinbeda xogħol ta’ żvilupp urban fl-ibliet li jkun se jżur il-Papa.  Kien Franġisku nnifsu li x-xahar li għadda esprima x-xewqa li jżur l-Iraq is-sena li ġejja.

Fl-20 ta’ Ġunju l-President Iraqqin Barhan Salih, bagħat ittra uffiċjali lill-Patrijarka tal-Babilonja tal-Kaldej, il-Kardinal Louis Rapahel I Sako, li biha stieden lill-Papa jżur l-Iraq.

Il-Kardinal Sako ħareġ bl-idea li matul iż-żjara fl-Iraq, minbarra Baghdad, il-Papa jżur ukoll is-sit ta’ Ur tal-Kaldej, il-post oriġinali minn fejn ġie Abraham.

Il-Kardinal żied jgħid li fit-tramuntana tal-pajjiż il-Papa jkun jista’ jiltaqa’ mar-rifuġjati li għadhom imbegħdin minn djarhom wara li ħarbu, l-aktar minn Mosul. li kienet tifforma parti mill-Istat Iżlamiku.

Il-President tar-Repubblika tal-Iraq, Barham Salih, kien żar lill-Papa fil-Vatikan f’Novembru li għadda filwaqt li l-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan kien mar l-Iraq f’Diċembru 2018.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija