Familja b’saħħitha hija kontribut għal soċjetà aħjar

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 21 ta’ Lulju 2019: Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fil-festa tal-Famijla Mqaddsa u l-inawgurazzjoni tar-restawr tal-Knisja tal-Bidnija, fil-Knisja tal-Familja Mqaddsa, il-Bidnija.

L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi – Fil-Knisja tal-Familja Mqaddsa, il-Bidnija

Illum hi festa speċjali għall-Bidnija. Hija l-festa tal-Familja Mqaddsa, li hi l-festa annwali ta’ din il-komunità żgħira u sabiħa, u hi wkoll iċ-ċelebrazzjoni tal-inawgurazzjoni tar-restawr ta’ din il-knisja minn barra, li sar permezz tal-fondi tal-Unjoni Ewropeja u l-kontribuzzjonijiet tal-poplu. Din il-knisja, li nbniet mir-residenti tal-Bidnija stess fuq disinn ta’ Salvu Zahra, kellha l-ewwel ġebla mqiegħda kważi mitt sena ilu, fl-1920, u tlestiet sentejn wara.

Inħarsu l-patrimonju tagħna
Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom biex illum tista’ ssir din l-inawgurazzjoni. L-okkażjoni tal-lum tfakkarna kemm hu importanti li nieħdu ħsieb il-patrimonju li għandna u nħarsuh għal-lum u għall-ġenerazzjonijiet futuri. Għandna rikkezza kbira fl-istorja tal-Knisja f’Malta u aħna impenjati nieħdu ħsieb dak li għandna għax hu l-wirt li ġej mill-imħabba tal-poplu Malti u li issa hu fdat f’idejna.

Nirringrazzja lir-rettur ta’ din il-knisja, Fr Raphael Demartino, u nurih l-apprezzament tal-Knisja f’Malta għas-snin twal li ilu jservi f’din il-komunità b’dedikazzjoni kbira. Il-bini tal-knisja jfakkarna fil-bini tal-komunità li hi mistiedna biex tiġi tqim lil Alla. Ġebla fuq oħra ta’ din il-knisja tfakkarna li aħna rridu ninbnew bħal ġebla magħquda mal-oħra biex inkunu komunità ħajja f’dan il-post li jagħmel parti mill-parroċċa tal-Mosta. Il-Bidnija hi l-iżgħar żona fl-akbar parroċċa ta’ Malta, imma żgħir kemm hu żgħir il-post, il-ħidma pastorali li ssir hawnhekk għandha valur kbir.

Familja b’messaġġ attwali
Nixtieq li llum nitfgħu ħarsitna fuq il-Familja Mqaddsa, li lilha hi ddedikata din il-knisja. Din il-familja żgħira ta’ Nazaret tfakkarna f’rikkezza kbira li għandna: il-familja. Tfakkarna li aħna għandna nieħdu ħsieb il-familja daqskemm nieħdu ħsieb ir-restawr tal-postijiet ta’ valur. Ir-rikkezza hija fil-ġebla u fl-arti, imma hi fuq kollox fil-ħajja tal-familja li trid min isostniha biex tibqa’ b’saħħitha.

Il-messaġġ tal-Familja Mqaddsa għalina llum hu messaġġ attwali. Il-familja li niċċelebraw – il-familja ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi – hi familja li rat ħafna iebes fil-ħajja u ħafna kuntrarju. Dak kollu li naqraw fl-Evanġelju fuqha jurina ħajja ta’ familja b’diversi sfidi. Imma din il-familja kellha l-preżenza ta’ Alla li tagħtiha l-ħajja u ssostniha f’kull waqt biex taffaċċja dawn l-isfidi.

Kienet familja fejn il-prijoritajiet kienu f’posthom; familja fejn kien hemm tassew l-imħabba, is-sensittività, il-fedeltà. Ma kinetx familja fejn kien hemm kull tip ta’ kumdità, anzi kien hemm bżonn ta’ ħafna sagrifiċċji. Imma kienet familja fejn kien hemm dak li hu l-aktar importanti fil-ħajja. Meta jkollna dan fil-ħajja tal-familja nsibu tassew l-ambjent fejn nistgħu ngħixu ħajja sabiħa u fil-paċi. Familja b’saħħitha hija kontribut għal soċjetà aħjar.

Nixtieq li llum nieħdu dan l-impenn li lkoll nagħtu s-sehem tagħna għat-tisħiħ tal-ħajja tal-familja u dan ikun il-kriterju li jmexxina fl-għażliet tagħna. Jalla l-ħarsien ta’ patrimonju bħalmu hu dan il-bini tal-knisja fil-Bidnija jibqa’ jkun għalina messaġġ biex inħarsu l-familja bħala patrimonju ta’ pajjiżna.

Tebgħa kbira
Waqt li llum hawnhekk qegħdin niċċelebraw il-festa tal-Familja Mqaddsa u l-inawgurazzjoni ta’ dan ir-restawr, ma nistax ma nsemmix xi ħaġa li żgur ħalliet marka fuq il-Bidnija u fuq pajjiżna. Sa ftit ta’ żmien ilu hawn kien jissemma bħala l-post tal-paċi, is-serenità u sbuħija, b’rabta ma’ din il-knisja u ma’ aspetti pożittivi oħra li hawn. Illum ma nistgħux ma niftakrux f’dik il-ġurnata kerha meta membru ta’ din il-komunità, Daphne Caruana Galizia, ġiet brutalment assassinata f’din it-triq ta’ hawn isfel fil-wied li jieħu minn din il-knisja għal barra l-Bidnija. Din hija tebgħa kbira fuq is-soċjetà Maltija. Tibqa’ tebgħa ikbar jekk ma jinstabx min ta l-mandat biex din il-persuna tkun eliminata.

Illum qed niċċelebraw il-familja ta’ Nazaret, imma l-familja Caruana Galizia, li hi residenti fil-Bidnija, sfat imċarrta dakinhar. Qed ninawguraw ir-restawr ta’ din il-knisja, imma l-ħajja ta’ din il-persuna qatt ma tista’ tkun irrestawrata.

Talba u impenn
Għalhekk illum, waqt li niftakru f’dan, nitolbu għaliha u l-familja tagħha. Fl-istess waqt, inġeddu l-impenn tagħna għal soċjetà li tgħożż tassew il-ħajja ta’ kull bniedem, il-ġustizzja, l-onestà u l-apprezzament tad-diversità. Illum nitolbu lill-Familja Mqaddsa biex tħeġġeġ fina dak kollu li jibni soċjetà fejn il-familja hi mħarsa u mogħtija l-appoġġ li teħtieġ, u fejn f’kull waqt ngħożżu l-ħajja bl-imħabba.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Sors: www.knisja.mt
Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading