Inawgurat ir-restawr fuq il-knisja tal-Bidnija


Tlesta x‑xogħol ta’ restawr fuq il‑Knisja tal‑Familja Mqaddsa fil‑Bidnija, xogħol li sar b’investiment ta’ madwar €85,000 b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal‑Unjoni Ewropea. Dan il‑proġett ġie inawgurat dalgħodu mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi u mis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej u d‑Djalogu Soċjali l‑Onor. Aaron Farrugia. Kien preżenti wkoll is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta s‑Sur Michael Pace Ross.

CURIA_01.156370644558

Matul il‑konferenza tal‑aħbarijiet ġie spjegat li x‑xogħol ta’ restawr sar fuq il‑faċċata u l‑ġnub tal‑knisja, il‑fontispizju, il‑kampnar u z‑zuntier. Ix‑xogħol sar fuq medda ta’ sitt xhur.

L‑Isqof Galea‑Curmi qal li l‑inawgurazzjoni ta’ dan il‑proġett ta’ restawr ifakkarna f’kemm hu importanti li nieħdu ħsieb il‑patrimonju ta’ pajjiżna u li nħarsuh għal‑lum u għall‑ġenerazzjonijiet futuri. Qal li l‑Knisja hija impenjata tieħu ħsieb il‑patrimonju tagħha. Appella biex is‑soċjetà tieħu ħsieb dan il‑wirt kulturali u reliġjuż li huwa espressjoni tal‑fidi tal‑poplu Malti tul is‑snin u tal‑imħabba tiegħu. L‑Isqof Awżiljarju rringrazzja lis‑Segretarjat għall‑Fondi Ewropej tal‑għajnuna tiegħu għall‑ħarsien tal‑identità tagħna l‑Maltin, u lil kull min ħadem fuq dan il‑proġett.

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li permezz ta’ proġetti bhal dawn qegħdin inrawmu sens ta’ rispett lejn il-wirt kulturali tagħna, bl-għan li l-poplu Malti u Għawdxi jkun kburi bil-wirt storiku u reliġjuż li jagħmel parti fundamentali mill-identita’ tiegħu. “Ir-restawr tal-knisja tal-Bidnija huwa parti minn proġett ikbar ta’ konservazzjoni tal-wirt tagħna li bih qed insaħħu wkoll il-komunitajiet, kif ukoll parti minn viżjoni fit-tul tal-Gvern biex intejbu l-ħajja tan-nies fl-irħula u l-villaġġi tagħhom.”

Fid‑diskors tiegħu s‑Sur Michael Pace Ross qal li dan hu l‑ewwel xogħol estensiv ta’ restawr li qatt sar fuq din il‑knisja minn meta nbniet fl‑1920. Fisser kif il‑knisja saret iktar aċċessibbli għall‑persuni bi bżonnijiet differenti.

Il‑Knisja tal‑Bidnija hi waħda mill‑knejjes f’Malta li bbenefikat mill‑Fond Ewropew għall‑Iżvilupp Reġjonali 2014‑2020.

Sors: www.knisja.mt
Ritratti: www.knisja.mt/ritratti