Il-Knisja Kattolika tal-Ġappun qed tfakkar l-74 anniversarju minn meta ntefgħu żewġ bombi atomiċi waħda fuq Hiroshima u oħra fuq Nagasaki, fit-tieni gwerra dinjija,b’talb u appelli għall-paċi u għall-qerda tal-armamenti nuklejari
F’dawk iż-żewġ attakki kien nqatlu 140,000 f’Hiroshima u 70,000 f’Nagasaki qabel ma’l-Ġappun ċeda biex intemmet il-gwerra.
Ilbieraħ, it-Tlieta, is-Sindku ta’ Hiroshima għamel indirizz għall-paċi u kkritika l-politika populista li qed terġa’ tqajjem rasha fid-dinja. Hu ħeġġeġ lill-mexejja biex jaħdmu bla heda ħalli d-dinja teħles mill-armi atomiċi.
F’Jannar li għadda l-Papa Franġisku kien qal li għal-Novembru għandju jżur il-Ġappun, minkejja li s’issa għad m’hemmx konferma uffiċjali dwar dal-vjaġġ appostoliku. Dan għandu jsegwi l-vjaġġ li kien għamel San Ġwanni Pawlu II fi Frar ta’ 39 sena ilu.
Fl-1981, bi tweġiba għall-istedina ta’ Ġwanni Pawlu II, il-Knisja tal-Ġappun kienet nediet inizjattiva “Għaxart Ijiem għall-Paċi”.
Il-Papa mistenni jerġa’ jagħmel l-istess appell tal-predeċessur tiegħu dment li l-vjaġġ ippjanat iseħħ.
L-Isqfijiet wegħdu li jingħaqdu mal-Papa fit-talb għall-paċi li hi tant meħtieġa għall-iżvilupp tal-bnedmin, u sabiex jinqerdu l-armi nuklejari.
Rapport mill-Kamra tal-Aħbar ijiet ta’ Radju Marija.