Id-Doċilità ta’ San Ġorġ Preca


Kwalita’ determinanti fil-ħajja ta’ San Ġorġ Preca u fit-twaqqif tas-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. kienet id-doċilità li, kif ġraw l-affarijiet, mingħajrha San Ġorġ Preca seta’ qabad linja oħra fis-sejħa tiegħu, jew inkella s-Soċjetà ma kienx ikollha bidu tajjeb, bidu mistrieħ fuq il-volontà ta’ Alla. Aħna nżommu li s-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. hi opra ta’ Alla, għax il-Fundatur tagħha ma fittixx li tgħaddi tiegħu, imma li ssir il-volontà ta’ Alla, ukoll jekk San Ġorġ Preca kellu jmur kontra l-proġett li emmen fih. Dun Ġorġ dejjem qagħad għall-ispirazzjonijiet tal-Mulej.

Id-doċilità tfisser li wieħed joqgħod taħt l-awtorità u li jissottometti ruħu għal min hu fuqu. B’dan huwa jiffaċilita t-tmexxija tas-superjuri. Id-doċilità ġġib ukoll li min iħarreġ dan il-valur ikun grat lejn is-superjuri li qed jiggwidawh. L-istess doċilità li wieħed juri lejn is-superjuri tiegħu x’aktarx tnissel ħlewwa fil-mod ta’ mġiba mal-oħrajn.

Prova serja

“Sibnieh ubbidjenti!” [1] – żewġ kelmiet li, fil-bidu tas-seklu l-ieħor, kienu l-verdett tal-Knisja Maltija għall-qassis żagħżugħ Ġorġ Preca wara li dan kien għadda minn prova Ii kelllha tibqa’ tissemma fl-istorja tas-Soċjetà li kien għadu kif xettel. Kienet prova iebsa meta lil Dun Ġorġ, Ii ma tridx wisq biex tifhem kemm kien mimli bl-entużjażmu ħalli jara tissaħħaħ is-Soċjetà li beda, sejjaħlu I-Vigarju tal-Arċisqof, Mons. Salv Grech u, xott xott, ordnalu: “ ….. dawk l-Istituti, neħħihom kollha.” [2] Dak il-ħin Dun Ġorġ ra li l-opra li emmen fiha se tmut hekk kif twieldet. Fl-entużjażmu tal-bidu kien hemm id-diżappunt. Kien se jkollu jieqaf daqshekk malajr… meta kien konvint li Alla kien sejjaħlu għal din il-missjoni! It-tfixkil kien ta’ qtigħ iI-qalb.

DG u l-Vigarju.jpg
L-ordni tal-Vigarju lil Dun Ġorġ

Il-Knisja kienet qed tħares b’għaqal u prudenza kbira lejn din l-Għaqda li f’dak iż-żmien kienet għal kollox ġdida. Dun Ġorġ kien pijunier tal-għaqdiet tal-lajċi, b’antiċipazzjoni ta’ iktar minn għoxrin sena qabel ma beda I-moviment tal-lajċi fi ħdan iI-Knisja. Għax Dun Ġorġ fehem li l-Knisja kienet teħtieġ żgħażagħ determinati, mgħallmin sewwa fir-reliġjon u ta’ ħajja eżemplari biex ikunu jistgħu jgħallmu u jqaddsu lill-oħrajn. FiI-qalba tal-awtorità tal-Knisja kien hemm min beda jinkwieta u dan wassal lill-Vigarju biex jibgħat għall-kappillan tal-Ħamrun, fejn Dun Ġorġ kien fetaħ l-ewwel dar tiegħu tat-tagħlim.

Dun Ġorġ laħaq għalaq dar waħda biss. Ġabar lis-Soċji u rakkuntalhom kollox. Imma l-kappillani marru għand iI-Vigarju u qalulu: “Kien qed jagħmel ħafna ġid, jgħallem id-duttrina!”[3] Bis-silenzju, il-Vigarju ħalla kollox miexi kif kien qabel.

 Il-frott tad-doċilità ta’ Dun Ġorġ

ls-Soċjetà ta’ Dun Ġorġ kienet għaddiet mill-ewwel eżami. F’din il-prova wieħed jara kemm Dun Ġorġ ma kienx bniedem Ii tiċċajta miegħu fil-ħajja spiritwali. Fil-lezzjonijiet li kien jagħmel fuq l-indifferenza li wieħed għandu jkollu fis-suċċess tal-opri tajba, spiss kien jgħid: ”Jekk int qed tfittex bl-opra tajba tiegħek li tagħti glorja lil Alla, tirnexxi jew ma tirnexxix, xorta waħda.” [4] U issa kien qed jippriedka dak Ii għallem u juri Ii l-virtù tiegħu ma kinitx komuni. Dun Ġorġ kien bniedem ġej minn AlIa għax kien ubbidjenti lejn il-Knisja. Il-glorja tiegħu kienet il-glorja tal-Knisja u l-għaxqa tiegħu kienet l-ubbidjenza lejn dawk li Kristu qalilhom: ”Min jisma’ lilkom, jisma’ lili.” (Lq 10, 16)

Ġeneralment nies li joħolmu kbir ikunu xi ftit jew wisq marbutin mal-viżjoni li jkollhom. Imma Dun Ġorġ, quddiem l-awtorità tal-Knisja, baxxa rasu u, flimkien mal-ewwel Soċji, obda mingħajr ma qagħad jistaqsi. U dan meta kien jaf li l-opra tiegħu kienet ġejja minn Alla. Hawnhekk tidher ir-rebħa ta’ Dun Ġorġ: il-viżjoni tiegħu ta’ Soċjetà mnebbħa minn Alla u li l-għan tagħha huwa l-glorja ta’ Alla u l-ġid fost il-bnedmin. Min jaf x’kien jiġri kieku m’obdiex?

U s-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. ħarġet sabiħa għax Dun Ġorġ għażel dak li jagħżel min hu minn Alla. Dak Ii ddeċieda Dun Ġorġ kien koerenti mal-mod ta’ ħsieb tiegħu, mal-konvinzjoni tiegħu. Kienet deċiżjoni li ttieħdet bl-akbar naturalezza. Mill-bidunett ried li s-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. tkun bint iI-Knisja, u li tkun tidher biċ-ċar li hi hekk.

Meta l-Arċisqof kien jibgħat għal Dun Ġorġ

Dun Ġorġ kien jaħseb li meta s-superjuri tiegħu kienu jibagħtu għalih, dan kienu jagħmluh biex jaħtfuh fuq xi ħaġa. Meta kien jirċievi ittra mill-Kurja, kien jitlef l-aptit u jitlaq kollox fuq il-mejda. Din l-istorja oħtu kienet dratha. Għalhekk, malli kienet tasal xi ittra bħal dik, kienet twarrabha u ma tagħtihielux qabel ma jiekol.

Id-doċilità ta’ Dun Ġorġ mhux dejjem wasslet għal dak li xtaq. Bħal meta l-Isqof Mauro Caruana ma qabilx mal-fatt li lill-ewwel Soċji tiegħu Dun Ġorġ kien isejħilhom bl-ismijiet tat-tnax-il Appostlu. Biex jobdi, Dun Ġorġ ried jaqta’ din id-drawwa, imma l-ismijiet kienu qabdu ħafna. Lil Ġużeppi Terribile, li kien joqgħod fi Triq Fra Diegu fejn kienet infetħet l-ewwel dar tas-Socjetà, kien sejjaħlu Pietru, għax kien qisu l-ġebla fundamentali. ‘Il quddiem, dan ħareġ mis-Soċjetà u kellu barrakka ta’ l-injam fl-għalqa ta’ Luċtu biex minnha jbigħ it-te u l-kafé. In-nies kienu ta’ sikwit jisimgħuhom jgħidu: “Imxu mmorru nieħdu tazza te’ għand San Pietru.” [5]

Fl-inkjesta ta’ l-1916 rriżulta li l-isem M.U.S.E.U.M. ma ntgħoġobx mill-awtoritajiet tal-Knisja u Dun Ġorġ ġie ordnat biex jibdlu. Hu baxxa rasu għal din id-deċiżjoni, imma minkejja r-rieda tajba tiegħu, ma seħħlux jagħmel dak it-tibdil. Lis-Socjetà kulħadd kien qed isejħilha bl-isem ta’ M.U.S.E.U.M. Kull isem ieħor kien donnu ntesa jew bħal donnu qatt ma kien magħruf, mhux biss fost il-poplu iżda anke fost il-kappillani u l-istess fil-Kurja ta’ l-Arċisqof. Kulħadd kien jirreferi għall-membri bħala ‘tal-Mużew’. [6]

 Aħna llum

 Il-valur tad-doċilità tkompla fil-ħajja tas-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. u j’Alla jkun kultura fl-ambjenti kollha fi ħdan il-Knisja. Kull organizzazzjoni hi magħmula minn nies b’personalitajiet differenti. Hemm min isibha diffiċli biex joqgħod taħt oħrajn u hemm min għalih ma qisu xejn li jkun doċli. Aħna min aħna, irridu nżommu f’moħħna li d-doċilità, kwalità eminenti f’San Ġorġ Preca, hi valur importanti u li għalhekk ta’ min jikkultivaha.

 Joe Galea

[1] A. Bonnici, Dun Ġorġ Preca 1880-1962 Ħajja-Xiehda – Dokumenti Vol. 1, Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, M.U.S.E.U.M., 1980, p. 219

[2] N.N. Dun Ġorġ 1880-1962, M.U.S.E.U.M., 1965, p. 19.

[3] Ibid.

[4] Ibid.

[5] A. Bonnici, cit., p. 219