Il-Madonna “della Guardia”


Qrib il-belt ta’ Ġenova, fl-Italja, f’medda ta’ territorju li jagħti għall-baħar, jidher mill-bogħod fuq il-quċċata tal-Muntanja Figogna s-santuarju ċelebri ta’ ‘La Nostra Signora della Guardia’. Il-Ġenoviżi għażlu dan it-titlu tal-Madonna bħala l-patruna mhux biss għall-muntanja Figogna imma wkoll għan-naħat l-oħra tar-reġjun tal-Ligurja, li Ġenova hi parti minnu.

pareto.jpgBenedetto Pareto

Kollox beda minn ragħaj minsi u l-familja fqira tiegħu, martu u żewġ uliedu. L-isem ta’ dan ir-ragħaj, Benedetto Pareto, hu magħruf sew f’Ġenova u fin-naħat ta’ madwar. Insibu li Benedetto kellu l-ewwel dehra mill-Madonna fid-29 ta’ Awwissu 1490.  Il-ħajja tal-familja ta’ Benedetto kienet magħmula minn xogħol ta’ tbatija, imma kienet familja kuntenta, bħal ħafna familji oħra fiż-żmien iebes tat-tieni nofs tas-seklu ħmistax. Fl-istaġun tal-bnazzi, Benedetto kien jitla’ kuljum il-muntanja Figogna, li tgħasses fuq il-villaġġ ta’ Livellato, biex jirgħa n-nagħaġ u jiġbor il-ħatab. Il-ħidma tal-jum tiegħu kienet tieqaf biss għall-ikla żgħira li martu kienet iġġiblu mid-dar għall-għaxra ta’ filgħodu.

Jum minnhom, skont kif iżommu n-nies tal-lokal, nhar id-29 ta’ Awwissu tal-1490, waqt li Benedetto kien qed jistenna lil martu, resqet lejh mara żagħżugħa, sabiħa u tiddi bħax-xemx, li ppreżentat ruħha bħala l-Omm ta’ Ġesu’. Qaltlu kliem ta’ faraġ u talbitu biex jibnilha kappella fuq il-muntanja. Benedetto żamm lura u wieġeb minnufih: “Jiena fqir ħafna, u biex nibni hawn, f’dan il-post għoli u deżert neħtieġ flejjes kbar li jiena żgur ma nasalx għalihom.” Imma Marija serrħitlu moħħu: “Tibżax. Se jkollok ħafna għajnuna.”

Mimli ħeġġa, Benedetto ħaffef għad-dar biex jirrakkonta lill-familja tiegħu l-laqgħa mirakuluża. Miblugħa, il-mara ta’ Beneedtto daħqet u qaltlu: “Sa issa n-nies kienu jqisuk bħala raġel sempliċi, minn issa ’l quddiem se jżommuk bħala iblah jew miġnun għalkollox.” Din it-twissija tant kienet konvinċenti li Benedetto warrab kull ħsieb li jidħol għal dan il-proġett.

Fejqan ta’ Benedetto

L-għada  Benedetto tela’ fuq siġra tat-tin, il-fergħa ċediet għat-toqol tiegħu u nqasmet.

Il-waqgħa ħalliet konsegwenzi gravi ħafna, hekk li tħassbu għal ħajtu. Benedetto reġa’ kellu dehra mill-Madonna, din id-darba fid-dar tiegħu. Ċanfritu bil-ħlewwa u stidnitu mill-ġdid biex jibni l-kappella u fejqitu għalkollox minnufih. Meta kull dubju dwar id-dehra kien għeb, Benedetto ntefa’ fuq ix-xogħol, beda jżur id-djar kollha tal-wied biex jitlob l-offerti u fi żmien qasir wassal sat-tmiem il-bini tal-kappella.

B’xorti tajba għad hemm miktuba l-istorja tad-dehra, grazzi għal dokument li jmur lura sal-1530. Dan jinsab fil-Kurja ta’ Ġenova, u li għandu valur għax awtentikat bix-xhieda ta’ żewġt iħbieb ta’ Pasquale Pareto, iben  Benedetto, li beda jieħu ħsieb is-santwarju wara l-mewt ta’ missieru. Is-santwarju tal-1530 m’għadux aktar. Il-bażilka l-kbira li hemm illum inbniet fl-1890.

Jidher li d-data attribwita għall-ewwel dehra, dik tad-29 ta’ Awwissu 1490 hi żbaljata, għax dakinhar inzerta l-Ħadd. Wieħed lanqas tiġih f’rasu li Benedetto Pareto ma ħarisx il-mistrieħ tal-Ħadd b’ġurnata sħiħa ta’ xogħol fl-mergħat tal-muntanja. Madankollu mas-snin l-anniversarju tad-dehra kien dejjem ċelebrat fid-29 ta’ Awwissu. Tradizzjoni antika, li tgħid li l-jum tad-dehra kien l-Erbgħa, twassal biex wieħed jissoponti li setgħet kienet is-sena li kienet żbaljata, u dan iwassal għal żewġ possbiltajiet: li l-ewwel dehra saret fl-1487 jew fl-1492. L-istoriċi jmorru aktar għal dik tal-1487, billi fl-1488 fin-naħat ta’ Giovi, li hu viċin tal-muntanja, diġa’ kienet inbniet kappella dedikata lill-‘Madonna della Guardia’.

Knisja ikbar

Il-kappella kienet żgħira; kellha altar żgħir, post fejn joqgħod biss il-qassis u xi ftit nies oħra, u l-bqija tan-nies kollha barra. Kien hemm familja tat-tajjeb, il-familja Ghersi, li tat lil Benedetto statwa sabiħa tal-irħam tal-Madonna bil-Bambin f’dirgħajha. Kienet statwa żgħira, imma għal Benedetto kienet rigal kbir. Il-kappella li nbniet bil-ħidma ta’ Benedetto ma kinitx biżżejjed għan-nies li bdew jiżdiedu u l-ftit għaxriet tal-bidu saru mijiet. Fuq il-muntanji tagħmel il-kesħa u ma kienx sew li n-nies jitolbu taħt xita qliel u ċpar oħxon. Fi ftit snin il-qima lill-Madonna ta’ Figogna tant kibret li bdew joħolmu għal knisja ikbar, anke jekk id-diffikultajiet kienu tassew kbar.

madonna-della-guardia.png
Is-Santwarju tal-“Madonna della Guardia”

Kienu għaddew diġa’ 10 snin mid-dehriet lil Benedetto meta l-Madonna kienet qaltlu: “Tibżax, se jkollok għajnuna.” Benedetto ma kellux fiduċja li ssir knisja kbira; diġa’ kien daħal għal biċċa xogħol bl-ewwel kappella, li kienu jieħdu ħsiebha b’kura u tenerezza. Imma l-Madonna riedet tagħtih aktar sorpriżi. Il-familja Ghersi, li kienu rregalaw l-isatwa żgħira tal-Madonna, offrew somma sabiħa ta’ flus li kienu rebħu f’lotterija li kienet issir fil-lokal. U hekk beda l-ewwel Santwarju.

Għaliex l-isem ‘della Guardia’? Sa mill-qedem il-muntanji li jinsabu f’pożizzjoni strateġika biex minn fuqhom jilmħu l-bastimenti tal-għadu jew bastimenti b’biża’ ta’ epidemji, kienu jsibuhom bl-isem ta’ ‘gwardji’. Il-Muntanja Figogna kienet waħda minn dawn il-‘gwardji’, u l-isem ġie estiż għas-santwarju l-ġdid, mibni fuq il-quċċata, f’għoli ta’ 805 metri. ’Il quddiem il-‘Madonna della Guardia’ saret simbolu tal-protezzjoni materna mogħtija minn Marija lis-santwarju u lin-nies ta’ dawk in-naħat.

Il-Madonna b’għajnejha miftuħa

Il-ġrajja tal-‘Madonna della Guardia’ saret fi żmien meta l-familji nobbli kienu fi gwerra kontra xulxin biex jirbħu l-art. Il-kappillani tal-irħula, għalkemm bravi, kienu foqra għax imħallsin mill-inqas. Ħafna minnhom qatt ma raw lill-Arċisqof ta’ Ġenova, li kien ħsiebu fl-interessi tiegħu idur mal-Ewropa kollha. Il-Papa kien Ġenoviż, Gian Battista Cibo bl-isem ta’ Innocenzu VIII, li kien iktar gvernatur sinjur milli Vigarju ta’ Kristu. Kien hemm firdiet serji fil-Knisja. Il-fidi tħawdet mal-astroloġija u l-maġija. Ir-raħħala, rassenjati li ma jistgħu jagħmlu xejn, ma kinux jafu x’inhu għaddej fil-livelli għoljin tal-politika u tal-Knisja. Imma kellhom is-sensazzjoni li hemm il-Madonna li tħarishom. Il-messaġġ tal-Madonna kien stedina biex“ixammru l-kmiem, jibdew jibnu u ma jibżgħux għax se jsibu ħafna għajnuna.” Il-Madonna kienet “b’għajnejha miftuħa” tgħasses fuq id-dinja, fuq is-sitwazzjonijiet żgħar u kbar tal-ħajja”.

Il-Madonna tfejjaq

L-ewwel fejqan kien dak ta’ Benedetto. Imbagħad hemm ħafna dokumentati oħrajn. Interessanti huma l-għadd kbir ta’ ‘ex-voto’ li hemm fi swali kbar tas-Santwarju, miżmumin tassew tajjeb. ‘Ex-voto’ huma oġġetti li jingħataw lil Santwarju tal-Madonna jew ta’ qaddisin b’radd-il ħajr għal xi grazzja maqlugħa, fosthom kwadri li jiddeskrivu ħelsien minn għarqa, waqgħa mill-għoli jew fejqan minn marda serja. Minbarra ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi li jsiru fis-Santwarju, l-‘ex-voto’ jiġbdu l-attenzjoni ta’ dawk li jżuru dan il-post. Hu vjaġġ dejjem ’il fuq bil-karozza sakemm tasal għall-pjanura fejn hemm is-Santwarju. Ħafna jmorru għall-fejqan, weħidhom jew f’pellegrinaġġi. Imma hemm fejqan iktar profond, iktar serju u determinanti li jsir f’dawk il-konfessinarji tal-injam li hemm fin-naħa penitenzjali wara l-altar maġġur.

Il-Madonna Missjunarja

F’epoka li fiha dak li hu relġjuż u uman niżel hekk fil-baxx, meta l-awtoritajiet politiċi u reliġjużi ħasbu biss għal rashom, il-Madonna ġiet b’missjoni għand Benedetto fuq il-Muntanja Figogna. Lil dan ir-raħħal fqajjar, tatu inkarigu ta’ riforma kbira. Malajr l-idea ta’ ‘Guardia’ ħarġet ukoll mill-widien taħt l-muntanja biex issir punt ta’ riferiment għal Ġenova kollha. Kemm-il darba l-Ġenoviżi ħarsu lejn  il-Madonna bħala l-protettriċi tagħhom u bħala dik li lilha għandhom jitolbu biex teħlishom  mill-epidemji, mill-invażjonijiet u minn traġedji soċjali ta’ kull tip. Anke r-Repubblika ta’ Ġenova fl-1642 ħarġet digriet li xini li kien qed jinbena jingħata l-isem ta’ ‘Nostra Signora della Guardia’, b’ringrazzjament għall-protezzjoni kontra l-eżerċtu Franċiż. Fis-seklu 19 mill-port ta’ Genova siefru ħafna emigranti lejn id-‘dinja l-ġdida’, f’tiftixa għal ħajja aħjar. Ħafna minnhom ħadu magħhom ix-xbieha tal-‘Madonna della Guardia’. Ħassew il-bżonn ta’ protezzjoni,  il-ħtieġa li jibqgħu b’rabta mal-fidi tal-familja, ix-xewqa li ma jinsewx il-kultura ta’ art twelidhom u li jgħixu l-Vanġelu anke ’l bogħod ħafna minn pajjiżhom.

Kitba ta’ Joe Galea