L-Ispirtu s-Santu: L-Għajn ta’ kull tiġdid


Il-Ħadd, 27 ta’ Ottubru 2019: Messaġġ mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Konferenza Nazzjonali Annwali tat-Tiġdid Kariżmatiku, Sr Nemesia Hall, Immaculate Conception School, Tarxien.

Capture

L-ISPIRTU S-SANTU: L-GĦAJN TA’ KULL TIĠDID

Nixtieq nirringrazzjakom u ngħidilkom kelma ta’ sapport u inkoraġġiment. Intom għandkom missjoni importanti fil-Knisja f’Malta. Bil-preżenza tagħkom u bit-talb tagħkom, tistgħu tagħtu kontribut sabiħ għat-tiġdid tal-Knisja – tiġdid li dejjem jiġi mill-Ispirtu s-Santu.

It-tema ta’ din il-Konferenza Nazzjonali hi: Veni Creator Spiritus. Nixtieq nagħmel tliet talbiet lill-Ispirtu s-Santu u naqsam dawn it-talbiet magħkom.

Il-qawwa

Nitlob lill-Ispirtu s-Santu biex jagħtina l-qawwa li nkunu nsara li ma nibżgħux nistqarru l-fidi tagħna, u ma nistħux nidhru li aħna nsara. Kultant jiġri li minħabba n-nies ta’ madwarna, qisna nidħlu f’qoxortna u nibżgħu nuru li nemmnu. Ħa nsemmi eżempju: is-sinjal tas-salib. Fil-laqgħat ta’ talb, u meta niltaqgħu fil-knisja, inroddu s-salib bl-ikbar libertà. Imma barra l-knisja ġieli jiġri li nkunu ma’ grupp ta’ nies, per eżempju għall-ikel, u d-dar is-soltu nroddu s-salib u ngħidu talba, imma għax qegħdin ma’ oħrajn nibdew inħarsu ’l hawn u ‘l hinn biex naraw hemmx xi ħadd li se jrodd is-salib. Qisu rridu l-permess ta’ xi ħadd biex inroddu s-salib. Hemm diversi ċirkustanzi oħra fil-ħajja fejn qisna nħarsu madwarna biex naraw kif għandna nġibu ruħna aħna – kultant anke fejn jidħlu l-valuri tal-onestà, tal-ġustizzja, tar-rispett lejn l-oħrajn. Nitlob lill-Ispirtu s-Santu biex jagħtina l-qawwa biex nagħżlu t-tajjeb, ukoll meta l-oħrajn qed jagħmlu l-ħażin; u nwarrbu l-ħażin, ukoll meta ta’ madwarna qed jagħmluh.

L-umiltà

Nitlob lill-Ispirtu s-Santu li jagħmilna nies umli li nagħrfu dnubietna u fl-istess waqt nagħrfu li hu Alla li jsalvana. L-Evanġelju tal-lum jurina dan b’mod ċar bil-parabbola tal-Fariżew u l-Pubblikan. It-tnejn kienu fit-tempju. Il-Fariżew beda jkellem lil Alla billi jsemmilu kemm jagħmel tajjeb, qisu qed jistenna l-prosit minn Alla, u jippretendi li Alla jfaħħru ta’ għemilu. Imma ma jiqafx hemm. Bi kliemu, imaqdar u jiddisprezza lill-oħrajn. Il-pubblikan, li kien ukoll fit-tempju, talab: “O Alla, ħenn għalija, għax midneb”. Nitlob li jkollna l-qalb ta’ dan il-pubblikan li nagħrfu dnubietna u fl-istess waqt li aħna salvati minn Alla. Jekk tinnutaw sew, f’kull quddiesa hekk nitolbu fil-bidu: “Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb, bil-kliem, bil-għemil u billi ħallejt dmirijieti.” Din, jew talb simili li ngħidu fil-bidu tal-quddiesa, hi l-istess talba tal-pubblikan, li nagħmlu biex nistgħu niċċelebraw l-Ewkaristija kif jixraq. Nitlob lill-Ispirtu s-Santu biex dejjem nagħmlu d-distinzjoni bejn dak li hu ħażin, li għandna nibqgħu nsejħulu ħażin, u min jagħmlu – il-ġudizzju tal-persuna nħalluh f’idejn Alla. Qatt ma għandna nkunu aħna li niddisprezzaw jew nistmerru xi persuna.

L-għaqda

Nitlob lill-Ispirtu s-Santu li nkunu strumenti ta’ għaqda. Li bi kliemna, b’kitbietna u b’dak li nagħmlu, insaħħu l-unità fil-Knisja u fis-soċjetà. Kultant jiġri li, anke mingħajr intenzjoni ħażina, inwasslu messaġġi li joħolqu diviżjoni. Ħu, per eżempju, ċertu kliem fuq Papa Franġisku minn uħud li jsejħu lilhom infushom Kattoliċi. Kif tista’ toħloq diviżjoni mal-Papa? Aħna msejħin mhux biex inwasslu messaġġi ta’ diviżjoni, jew nirrepetuhom, imma biex insaħħu l-unità. L-Ispirtu s-Santu hu dak li jġib l-unità, u dak li joħloq id-diversità fi ħdan din l-unità. Hu jgħinna biex nirrispettaw id-dinjità ta’ kull persuna, hi ta’ liema lewn hi, u ta’ liema razza hi, għax ilkoll maħluqin xbieha ta’ Alla.

Nitlob lill-Ispirtu ta’ Alla biex jagħtina l-qawwa ħalli ngħixu bla biża’ dak li nemmnu; biex jagħtina l-umiltà li tgħinna nagħrfu li Alla hu li jsalvana; biex jgħinna nkunu strumenti ta’ għaqda kulfejn inkunu.

 Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.