Illum il-Knisja tagħmel il-Festa ta’ San Xmun u San Ġuda


Fit-28 ta’ Ottubru l-Knisja tagħmel il-Festa ta’ San Xmun u San Ġuda, Appostli,  li għexu fl-Ewwel Seklu.

San Xmun hu msejjaħ “il-Kananew” u “iż-Żelota”, bl-Aramajk u bil-Grieg, li t-tnejn ifissru l-istess ħaġa: “l-Imħeġġeġ.”

Fil-Vanġelu huwa msemmi l-ħdax-il wieħed fil-lista tal-Appostli, u flimkien magħhom irċieva l-Ispirtu s-Santu. Barra minn hekk ma nafu xejn iżjed fiż-żgur dwaru.

X’aktarx li wara li mar jipprietka fl-Eġittu ssieħeb ma’ San Ġuda li kien fil-Mesopotamja, marru flimkien il-Persja, u mietu martri fil-Belt ta’ Swanir.

San Ġuda msejjaħ Taddew, kien ħu San Ġakbu ż-Żgħir. Kienu wlied Alfew u Marija l-kuġina tal-Verġni Marija. Għalhekk kien jiġi mill-qrib minn Ġesù. Meta n-nies stagħġbu b’Ġesù u bdew jgħidu: “Dan mhux bin il-mastrudaxxa? Ommu ma jisimhiex Marija, u ħutu Ġakbu, u Ġużeppi u Xmun u Ġuda?” (Mattew 13:55)

Ma nafux meta jew kif sar Appostlu. Iżda ismu nsibuh fil-listi kollha tal-Appostli (Matew 10:2-3; Mark 3:16-19; Luqa 6:14-16). Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann insibu li wara l-aħħar Ċena, meta Ġesù wiegħed lill-Appostli li kien ser jerġa’ jidhrilhom, San Ġuda staqsieh għala kien ser jidher lid-dixxipli tiegħu biss u mhux lid-dinja, u Ġesù wieġbu li kien ser iżur lil dawk kollha li jħobbuh. (Ġwanni 14:22)

Wara t-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema, San Ġuda mar jipprietka l-Vanġelu f’bosta artijiet. Skont tradizzjoni sofra l-martirju flimkien ma’ San Xmun fil-Persja.

Fl-Armenja hemm devozzjoni kbira lejn dan il-Qaddis għax hu miżmum li flimkien ma’ San Bartilmew kien mar hemm u żera’ l-ewwel żerriegħa tal-Fidi.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com