L-Isqof Mario Grech fit-Tifkira Solenni tal-Erwieħ Mejtin


Is-Sibt, 2 ta’ Novembru 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, fit-Tifkira Solenni tal-Erwieħ Mejtin, fil-Katidral ta’ Għawdex.

Bil-kortesija ta’ Radju Katidral.

IMG_1067

IL-MEWT GĦALLIEMA TAL-ĦAJJA

Hemm min jgħid li waħda mill-kawżi tad-diżordni li għandna madwarna hija l-fatt li llum l-“għalliema” saru skarsi! Mhux qed nirreferi għall-għalliema fl-iskejjel, imma dawk li, anki frott tal-esperjenza tagħhom, kienu jgħallmuna s-sens tal-ħajja. Waħda minn dawn l-għalliema li bħal donnu l-bniedem illum qed jipprova jostor u jnessi hija l-mewt. Il-mewt taf tkun għalliema tal-ħajja. Fil-fatt, meta int u jien immutu? Meta ma nibqgħux naħsbu dwar il-mewt! Meta l-bniedem jipprova jħassar mill-menti tiegħu l-ġrajja tal-mewt, hemmhekk huwa jkun beda l-proċess tal-mewt. Il-mewt tagħti togħma differenti lill-ħajja tagħna.

Il-mewt hija pedagoga (għalliema) mill-aqwa tal-ħajja! Fejn hija nieqsa l-pedagoġija tal-mewt, hija assenti l-pedagoġija tal-ħajja. Aħna s-soltu ngħidu li kif tgħix tmut; imma forsi jkun aħjar jekk ngħidu li kif tmut tgħix – fis-sens li jekk taf li ser tmut, alllura taf tgħix! Għalkemm kulħadd jaf li kull min ħa l-ħajja ser imut, mhux kulħadd jgħix f’din il-perspettiva! Ħafna, dment li l-ħajja tidħkilhom u jkollhom ir-riħ impoppa, jaħsbu li mhux ser imutu! Li wieħed jgħix biex jiltaqa’ mal-mewt huwa prinċipju ta’ ħajja umanament awtentika.

Il-mewt tgħallimna nagħrfu aktar lilna nfusna. Il-mewt tgħidilna verità importanti: li aħna ma aħniex eterni. Għandna l-limitu u t-tmiem tagħna. Meta nkun konxju li ż-żmien tiegħi huwa magħdud, allura ma għandix raġuni biex nitkabbar, nintefaħ jew inħossni superjuri għall-oħrajn. Ladarba jien mirbuħ mill-mewt, ma għandix motiv biex inkun bully mal-oħrajn. Mhux it-tfal biss ibatu mill-bullying. Anki aħna l-adulti, proprju għax inħossuna allat żgħar, nafu nieħdu dan l-atteġġjament aggressiv forsi wkoll billi inġustament nakkużaw lill-avversarju tagħna bil-bullying! Meta jien naf li, naf x’naf, għandi x’għandi, wasalt fejn wasalt, imma għad jasal il-waqt li jpoġġuni taħt erba’ kapitelli kif jagħmlu ma’ kulħadd, allura suppost niġi f’tiegħi u jkolli raġuni biex inrażżan l-egoiżmu tiegħi li huwa l-għerq tal-ħażen.

Il-mewt tgħallimna nkunu responsabbli ta’ kliemna u għemilna. Il-fatt li naf li l-ħin għaddej u ma nistax inreġġa’ l-arloġġ lura, ifisser li ż-żmien qed jaħrab minn idejja u għalhekk irrid nuża ż-żmien b’aktar għaqal. Meta jkolli f’moħħi l-appuntament mal-mewt, limitu tal-possibbiltajiet u l-futur tiegħi, inħoss fija x’jgħidli biex nuża mill-aħjar li nista’ ż-żmien li għandi, u dak li għandi nirhan, nirahnu mill-aktar fis. Dan ifisser li għandi ngħasses fuqi nnifsi biex ma ngħidx kliem vojt u biex għemili jkunu xieraq, għax jista’ jkun li dan huwa l-aħħar kliem li nlissen u l-aħħar azzjoni tiegħi. Niftakar li f’waħda mis-sagristiji tagħna kien hemm kitba tgħid hekk: “Qaddes din il-quddiesa daqslikieku hija l-ewwel quddiesa tiegħek u l-aħħar quddiesa tiegħek”. Kieku xi ħadd jgħidilna li din il-quddiesa hija l-aħħar waħda tagħna qabel immutu, min jaf kemm niċċelebrawha bil-galbu u b’intensità spiritwali! Dan jgħodd kemm għalina s-saċerdoti u kemm għalikom il-lajċi. Dak li qed ngħid dwar il-quddiesa jgħodd għal kollox. Aktar ’il fuq semmejt il-kliem tagħna. Kieku waqt li nkun għand tal-ħaxix, niftakar li dan hu l-aħħar kliem tiegħi, kemm nieħu ħsieb ix-xatba biex ilsieni ma jtaqtaqx fuq l-oħrajn, biex ma nweġġax lil ħaddieħor, biex ma niżrax il-mibegħda, biex ma nħammiġx lill-proxxmu tiegħi! Kieku nkun naf li din hija l-aħħar azzjoni tiegħi, kemm noqgħod aktar attent fid-deċiżjonijiet li nagħmel jew fl-imġiba tiegħi fil-familja, fuq ix-xogħol! Jekk il-mewt hija għalliema, l-affarijiet jaqgħu f’posthom, imma jekk aħna ngħixu daqslikieku aħna ma ser ninqalbu qatt (din mhix tentazzjoni remota, u taħkem lil kulħadd: lajċi u ekkleżjastiċi), allura nħossuna libertini f’dak li ngħidu u nagħmlu.

Wieħed ħassieb jagħtina parir siewi meta jgħid li għandna nantiċipaw bl-immaġinazzjoni l-mewt. Xi ħaġa tixbah lil dan il-parir insibu f’San Ġorġ Preca li fil-passiġġata kien iħobb jieħu lis-soċji jżuru ċ-ċimiterju. U fl-oratorji tiegħu San Ġwann Bosco kien jipproponi l-eżerċizzju tal-mewt it-tajba. Kieku aħna ma nittiħdux mid-dinja li tħossha skomda quddiem dak kollu li jfakkarna fil-mewt u nirriflettu aktar u ta’ spiss dwar dan l-appuntament tal-istorja, kieku l-ħajja tagħna tkun ferm aħjar. Għax kif għidt, il-mewt ma tippreġudikax is-sens tal-ħajja imma tistimulana biex nagħtu aktar tifsira bis-sens lill-eżistenza tagħna.

Bħal kull bniedem, quddiem l-esperjenza tal-mewt jaqbadna l-biża’ u jibdew ġejjin id-dubji u l-inċertezzi. Hawnhekk għandna d-dawl tal-fidi tagħna. Mhux ser nieqaf fuq il-fatt li għad irridu nagħtu kont lil Alla, imma nħeġġiġkom biex tiftakru fi Kristu li miet u qam u lilna tana sehem mir-rebħa tiegħu fuq il-mewt. Għalhekk wara l-mewt m’hemmx il-baħħ. Ħsieb li jista’ jwerwirna fil-punt tal-mewt, għax jiġina d-dubju jekk aħniex ser nibqgħu nitmermru fit-trab tal-qabar; imma aħna nemmnu li Kristu niżel fl-imwiet biex itella’ lil Adam li jirrappreżenta lil kull bniedem. Il-ġurnata tal-lum aħna nsejħulha l-Għid tal-Imwiet – espressjoni teoloġikament profonda ħafna! Illum ma niftakrux biss fil-mejtin, imma fl-Għid tagħhom: it-tisħib tagħhom fil-ġrajja tal-Qawmien ta’ Kristu. Ħa tkun għalhekk din il-verità ta’ fidi li ddawwal ukoll il-ħsieb dwar il-mewt.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.