Illum il-Knisja tfakkar lil San Korradu Confalonieri


Fid-19 ta’ Frar l-Knisja tfakkar lil San Korradu Confalonieri, Eremit li għex bejn is-snin 1290 sa 1354.

Kien nobbli mill-belt ta’ Piacenza fl-Italja ta’ Fuq, fejn twieled fl-1290. Meta kien għadu żagħżugħ iżżewweġ u qabad il-karriera militari. Huwa kien miġnun wara l-kaċċa tal-annimali. Jum minnhom, waqt li kien għall-kaċċa, aktarx biex igerrex xi annimali, qabbad nar li għamel ħsara kbira.

Wieħed raġel li kien jgħix fil-bosk ġie akkużat b’din il-ħsara, bdew jittorturawh biex jammetti u kienu ser jgħallquh. Korradu kellu l-kuraġġ jistqarr il-ħtija tiegħu u li kien lest jagħmel tajjeb għall-ħsara li saret b’ġidu u b’ġid martu.

Wara li qassmu kull ma fadlilhom, huwa u martu Kjara bdew japprezzaw l-ideali ta’ San Franġisk. Il-mara daħlet mal-Klarissi u Korradu sar terzjarju Franġiskan. Il-qaddis għamel żmien jiġġerra minn post għall-ieħor ifittex post fejn seta’ jinġabar jgħix ħajja fil-kwiet ma’ Alla.

Jingħad li l-qaddis anki żar Malta, u minn hawn wara ftit telaq lura lejn Sqallija, niżel il-port ta’ Palazzolo u mbagħad mar f’Noto Antico. Minn hawn mar Val di Noto fejn għadda l-aħħar tletin sena ta’ ħajtu jgħix għalih waħdu ġewwa għar f’ħajja ta’ talb u penitenzi bħala eremit. Ħafna kienu jmorru għandu għall-pariri. Huwa miet fid-19 ta’ Frar, 1354.

Il-fdal tiegħu jinsab meqjum ġo urna rikka u artisika fil-katidral iddedikat lilu f’Noto, u hawn huwa l-patrun ta’ dik il-belt u d-djoċesi. Huwa wkoll il-qaddis protettur tal-kaċċaturi.

Il-Papa Leone X ppermetta l-festa tiegħu għal Noto fl-1515, waqt li l-Papa Pawlu III (1534 – 1549) tah it-titlu ta’ qaddis, u l-Papa Urbanu VIII fl-1644 approva l-festa tiegħu għall-kalendarju ta’ Ordni kollu Franġiskan.

Lejh jirrikorru speċjalment f’każi ta’ ernja, u bla dubju ta’ xejn hu mudell mill-isbaħ tal-ħajja tat-talb u l-kontemplazzjoni.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com