Illum il-Knisja tfakkar lil San Franġisku u Santa Ġjaċinta Marto


Fl-20 ta’ Frar l-Knisja tfakkar lil San Franġisku u Santa Ġjaċinta Marto. San Franġisku għex bejn is-snin 1908 sa 1919 u Santa Ċjaċinta għexet bejn is-snin 1910 sa 1920.

Franġisku u Ġjaċinta Marto kienu żewġ aħwa rgħajja li l-Madonna dehritilhom diversi drabi f’Fatima u tathom messaġġ ta’ penitenza u talb għall-konverżjoni tal-midinbin.

Iż-żewġ aħwa twieldu f’Aljustrel, fil-Portugall. Franġisku fil-11 ta’ Ġunju 1908 u Ġjaċinta fil-11 ta’ Marzu 1910. Huma raw l-ewwel darba lill-Madonna fit-13 ta’ Mejju 1917, meta huma kienu qed jirgħu in-nagħaġ ma’ kuġinthom Lucia dos Santos.

Il-Verġni Marija b’kollox dehritilhom sitt darbiet, bl-aħħar dehra sseħħ fit-13 ta’ Ottubru 1917. Il-Madonna qalet lil Franġisku u ’l oħtu Ġjaċinta li hi ma kinitx se ddum ma tibgħat għalihom biex ikunu magħha l-ġenna, waqt li Luċija kellha tibqa’ ħajja, titgħallem taqra u tikteb għax riditha xxerred mad-dinja d-devozzjoni lejn il-qalb immakulata tagħha.

F’waħda mid-dehriet il-Madonna wriet lit-tfal dehra tal-infern fejn imorru mitlufin għal dejjem il-midinbin li jmutu bla ma jikkonvertu. Hi talbet lit-tfal jagħmlu talb u sagrifiċċji għall-midinbin. Franġisku, u speċjalment Ġjaċinta, ħadu dan il-messaġġ bl-ikbar serjetà u impenn, u għamlu sagrifiċċji mhux żgħar għall-konverżjoni tal-midinbin. Meta wieħed jikkonsidra l-età żgħira tagħhom ikollok tgħid li bilfors kellhom qawwa speċjali biex jaslu li jbatu tant u b’rassenjazzjoni perfetta t-tbatijiet kbar li ġarrbu.

Franġisku miet fl-4 ta’ April 1919 fid-dar tal-familja; għex b’kollox 10 snin u xahrejn. Ġjaċinta mietet f’Lisbona, fl-20 ta’ Frar 1920, xahar qabel għalqet l-10 snin.

Il-proċess tal-beatifikazzjoni ta’ Franġisku u Ġjaċinta Marto nbeda fl-1952. Ġew iddikjarati beati flimkien waqt żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’Fatima fit-13 ta’ Mejju 2000. Il-Papa Franġisku ddikjarhom qaddisin f’Fatima, l-Portugal, fit-13 ta’ Mejju 2017 (fl-ewwel ċentinarju mid-dehriet tal-Madonna ġewwa Fatima). Huma l-iżgħar fost il-qaddisin mhux martri, u huma eżempju ħaj ta’ mħabba u tbatija għall-insara kollha.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com