Quddiesa mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof – 20 ta’ Marzu 2020


Il-Ġimgħa, 20 ta’ Marzu 2020: Quddiesa mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof …

L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Il-mistoqsija liema hu l-ewwel jew liema hu l-akbar kmandament fost il-kmandamenti kollha kienet mistoqsija li jħobbu jiddiskutuha fi żmien Ġesù. Għalhekk meta wieħed mill-kittieba ġie jistaqsi lil Ġesù, ried ikun jaf x’jaħseb Ġesù. Dak iż-żmien, minbarra l-10 kmandamenti, kellhom mijiet ta’ liġijiet. Ried ikun jaf x’jaħseb Ġesù fuq liema hu l-ewwel kmandament.

Ġesù fit-tweġiba, flok jgħidlu wieħed, isemmilu tnejn. Jgħidlu: ħobb lil Alla b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, bil-qawwa tiegħek kollha – dak hu l-ewwel; u ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Imma mbagħad jgħidlu: M’hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn – jiġifieri Ġesù għaqqad flimkien l-imħabba lejn Alla b’mod sħiħ u l-imħabba lejn il-proxxmu. Ried jgħid Ġesù, bħalma fehmuh dak iż-żmien għax mhux darba qalha din, li ma tistax tifred l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn l-oħrajn. Jekk veru tħobb lil Alla b’qalbek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, hu jimbuttak biex tgħin, biex turi lin-nies l-imħabba tassew.

Jekk int tgħid: inħobb lil Alla imma ma rridx naf bl-oħrajn, hemm xi ħaġa nieqsa fl-imħabba lejn Alla. Għalhekk Ġesù qal: Dak kollu li tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti, qed tagħmluh miegħi.

It-talba li nixtieq nagħmel illum hi li aħna jkollna dejjem lil Alla fil-qalba tal-ħajja tagħna, fiċ-ċentru, b’mod li nħobbuh bil-qawwa kollha tagħna u nħallu lilu jurina kif nistgħu nuru l-imħabba tagħna lejn l-oħrajn.

Nafu li fi żminijiet differenti l-imħabba tintwera b’mod differenti. Ħu dan iż-żmien li qed ngħixu bħalissa, żmien diffiċli. F’ċirkustanzi normali, jekk int għandek xi ħadd jiġi minnek – xi zija, xi nanna, xi ħadd jiġi minnek jew ħabiba tiegħek – turihom l-imħabba f’ċirkustanzi normali billi tmur iżżurhom u tkun viċin tagħhom. Fiċ-ċirkustanzi ta’ bħalissa, turihom l-imħabba billi ma tmurx, imma tara kif tagħmel komunikazzjoni magħhom, biex turihom li inti viċin tagħhom xorta, li int tixtieq turihom l-imħabba u li huma mhumiex waħedhom.

Ħu, pereżempju, mal-ħbieb. F’ċirkustanzi normali turi l-imħabba lejhom billi toħorġu flimkien, tkunu flimkien bħala ħbieb. Fiċ-ċirkustanzi ta’ bħalissa, turi din l-imħabba lejn il-ħbieb tiegħek billi ma toħroġx, ma tiltaqax magħhom, imma b’xi mod tagħmel ukoll komunikazzjoni u żżomm din ir-rabta magħhom, u hekk tkun qed turi tassew kif tħobbhom illum.

Nitolbu lil Alla jispirana dejjem. Ikollna lilu f’qalbna u jagħtina hu l-għajnuna biex nagħrfu kif ngħixu l-imħabba lejh u l-imħabba lejn l-oħrajn fiċ-ċirkustanzi partikulari li qed ngħixu bħalissa.

Hemm ħafna modi kif aħna nuru llum solidarjetà, imħabba ġenwina lejn dawk li huma fil-bżonn, speċjalment dawk li qegħdin waħedhom u jeħtieġu l-għajnuna. Nagħmluha billi nieħdu l-prekawzjonijiet u l-miżuri li hemm bżonn illum, għax dak hu l-mezz kif nuru llum kif aħna nħobbu lil Alla u kif inħobbu lilu fil-proxxmu.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.