Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof – 27 ta’ Marzu 2020

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 27 ta’ Marzu 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof…

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Kull nhar ta’ Ġimgħa fir-Randan l-Evanġelju jippreparana għall-kunflitt kbir li mbagħad iseħħ b’mod qawwi fil-Ġimgħa Mqaddsa, kunflitt bejn Ġesù u l-kapijiet ta’ Ġerusalemm.

Hija l-festa tal-Għerejjex. Il-festa tal-Għerejjex kienet festa kbira fil-ħarifa meta l-poplu Lhudi kien ifakkar l-40 sena li għamel iterraq fid-deżert, l-għerusija tiegħu ma’ Alla fejn irċieva l-kmandamenti, fejn bena l-arka tal-preżenza tal-Mulej, id-don tal-manna. Fil-fatt fl-arka li tiġi ċċelebrata wkoll fil-festa tal-Għerejjex, kien hemm it-twavel tal-Liġi u ftit manna li l-Iżraeliti ġabru fid-deżert matul dawk l-40 sena.

Ġesù jitla’ Ġerusalemm għal din il-festa. In-nies jippruvaw jifhmu jekk hux tassew il-Messija imma jafu minn fejn ġej. Hemm ħutu Ġerusalemm, dawk li aħna nafuhom bħala l-qraba tiegħu u li jissemmew b’isimhom fl-Evanġelji. Jafu li ġej minn Nazaret, li huwa mastrudaxxa. Illum jinsisti imma li hu mibgħut mill-Missier, li għalkemm huwa bniedem, għandu missjoni totalment differenti: dik li jsalva lilna minn dnubietna.

Hu jinsisti mill-oriġini divina tiegħu, li ġejja mill-ubbidjenza tat-Tieni Persuna tas-Santissima Trinita, li aħna ċċelebrajna ftit jiem ilu fil-festa tat-tnissil ta’ Ġesù fil-festa tal-Lunzjata. “Jienama ġejtx minn rajja imma hemm wieħed tassew li bagħatni, wieħed li intom ma tafuhx. Jiena nafu għax jien mingħandu ġej u kien hu li bagħatni” (Ġw 7:28-29).

F’din il-ġimgħa tar-Randan niftakru li fil-25 ta’ Marzu aħna rrepetejna s-Salm: “Hawn jien ġej biex nagħmel ir-rieda tiegħek” (S 39:8). L-Ittra lil-Lhud tgħid li dan il-kliem l-Iben ta’ Alla nissilhom u jaċċetta l-inkarnazzjoni, li jsir bniedem għalina u biex jifdina. Ma kinitx għadha waslet is-siegħa tiegħu imma aħna fi ftit jiem niċċelebraw din is-siegħa u nikkommemorawha b’mod solenni.

vEjjew nitħejjew biex qalbna mimlija gratitudni tilqa’ wkoll id-don tal-fidwa li ried jagħtina Ġesù Redentur.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Għerf 2, 1a.12-22
Salm: 33 (34), 17-18.19-20.21 u 23
Evanġelju: Ġw 7, 1-2.10.25-30

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading