Quddiesa f’Ħadd il-Palm mill-Arċisqof Charles J. Scicluna – 5 ta’ April 2020


Il-Ħadd, 5 ta’ April 2020: Quddiesa f’Ħadd il-Palm mill-Arċisqof Charles J. Scicluna mill-Kurja tal-Arċisqof …

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Xi tridu tagħtuni u jiena nagħtikom lil Ġesù f’idejkom? U huma tawh 30 biċċa tal-fidda bħala ħlas” (Mt 26:15).

It-30 biċċa tal-fidda għandhom sinifikat preċiż fil-profeziji tat-Testment l-Antik. Il-profeti jfakkruna li l-ħlas biex wieħed jixtri skjav li jsir tiegħu, kien propju 30 biċċa tal-fidda. Dan kien il-prezz li l-kapijiet u l-qassisin il-kbar offrew lil Ġuda l-Iskarjota. Daqshekk stmawh lil Ġesù, daqs skjav.

U dan il-prezz ifakkarna f’dak li jgħallimna l-Appostlu Missierna: “Sar bniedem, ħa l-forma ta’ skjav, ta’ qaddej” (ara Fil 2:7), il-qaddej li jagħti ħajtu għal ħbiebu, l-iskjav li hu u jinbiegħ jeħles lilna l-midinbin.

Ġuda l-Iskarjota qabel imut b’mod traġiku, jirrealizza li d-demm ta’ Ġesù kien id-demm ta’ bniedem innoċenti, ta’ bniedem ġust. Dak id-demm innoċenti jeħlisna. Dak id-demm ta’ bniedem ġust jagħmel lilna ġusti.

Il-profeti jfakkruna li l-ħlas biex wieħed jixtri skjav kien 30 biċċa tal-fidda. Dan kien il-prezz li l-kapijiet u l-qassisin il-kbar offrew lil Ġuda l-Iskarjota. Daqshekk stmawh lil Ġesù, daqs skjav.

“Xi tridu tagħtuni u jiena nagħtikom lil Ġesù f’idejkom?” (Mt 26:15). Dawn il-kliem f’dawn il-ġranet ta’ din il-burraxka li għaddejjin minnha, għandhom sinifikat li jaqsmilna qalbna għax aħna fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija ma jistax ikollna lil Ġesù Ewkaristija f’idejna. “Xi tridu tagħtuni u jiena nagħtikom lil Ġesù f’idejkom?”

Aħna llum noffru qalbna, noffru dak kollu li aħna, it-talba li jasal iż-żmien u ma jdumx li fil-laqgħa tagħna fil-knejjes għeżież tagħna, jerġa’ jkollna lil Ġesù f’idejna.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Tberik tal-friegħi taż-żebbuġ u l-palm:
Evanġelju: Mt 21, 1-11

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 50, 4-7
Salm: 21 (22), 8-9.17-18a.19-20.23-24
Qari II: Fil 2, 6-11
Evanġelju: Mt 26, 14 – 27, 66