Kemm jiswa miraklu?


Iċ-ċkejkna, f’rokna tal-kamra, segwiet dak li ntqal. Marret fil-kamra tagħha, ġabret il-kaxxa tal-flus li kellha mfaddla, żvujtat il-biċċiet tal-flus fuq is-sodda tagħha u għoddiethom b’kura kbira: sbatax-il ċenteżmu. Reġgħet għalqet il-kaxxa ċkejkna, daħħlitha fil-but, ħarġet bla ħoss u rħietla lejn l-ispiżerija. Kif waslet, resqet lejn il-bank u għoliet fuq ponot subgħajha quddiem l-ispiżjar kollu mistagħġeb.

pic

“X’għandek bżonn, ċkejkna?”

“Għal ħija ż-żgħir. Marid ħafna u jien ġejt biex nixtri miraklu!”

“X’inti tgħid?”

“Għandu buttuna kbira li tagħfaslu f’rasu, u l-papà qal li jrid ikun miraklu biex jibqa’ ħaj. U jien ġejt biex nixtri miraklu.”

L-ispiżjar wieġeb, bi tbissima mnikkta:

“Jiddispjaċini, ċkejkna tiegħi, imma hawnhekk ma nbiegħux mirakli.”

Fl-ispiżerija kien hemm raġel twil, liebes pulit, li sema’ din id-diskursata stramba. Resaq lejn it-tifla, li ġabret il-flus, b’għajnejha mimlija dmugħ.

“Għax qed tibki, ċkejkna?”

“Għax l-ispiżjar ma jridx ibiegħli miraklu. Dan għal ħija ż-żgħir Emmanuel, li hu marid ħafna.”

“Kemm għandek flus?”

“Sbatax-il ċenteżmu, imma inti taf li nista’ nsib iktar”.

“M’hemmx bżonn iktar, għax daqshekk jiswa miraklu. Ħudni fejn toqogħdu, għax nixtieq nara lil ħuk, lill-papà u lill-mamà..”

Ir-raġel pulit ma kien ħadd ħlief wieħed mill-aqwa tobba li jagħmlu operazzjonijiet fir-ras. Għamel operazzjoni liċ-ċkejken u Emmanuel ġie lura d-dar wara xi ġimgħat, imfejjaq għal kollox. Il-miraklu kien sewa… sbatax-il ċenteżmu … u, żgur ukoll, l-imħabba u l-fidi ta’ tifla.

Din hi storja vera li ġrat fl-Indja, mill-ktieb ta’ Patri Ceyrac, L-għeruq tiegħi huma fis-sema.

 

Minn Joe Galea

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.