Il-Ħadd, 5 ta’ April 2020: Quddiesa f’Ħadd il-Palm mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Knisja Marija Annunzjata, Balzan …
Omelija tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi
REFA’ FUQU L-ĦAŻEN TAGĦNA
F’dan ir-rakkont tal-Passjoni skont San Mattew għandna konċentrazzjoni ta’ ħażen. Meta naraw dan ir-rakkont biċċa biċċa, naraw dnub wara ieħor. Ġesù għaddej f’din il-Passjoni, u dawk li għandhom sehem f’din il-Passjoni b’xi mod jew ieħor qed jagħżlu dak li hu ħażin, dak li hu dnub.
Naraw it-tradiment, l-għira, il-mibegħda, il-vjolenza, l-insulti, il-ħarba mir-responsabbiltà, l-abbuż tal-poter. Hemm qisu dak li kultant ngħixu fl-esperjenza tagħna l-bnedmin ikkonċentrat hemmhekk fil-Passjoni ta’ Ġesù, sal-aħħar mument meta jsallbuh u jmut.
Imma żgur li jolqotna x’jagħmel Ġesù. F’ħafna minn dar-rakkont Ġesù hu sieket. Ġesù ma jweġibx insult bi nsult, vjolenza bi vjolenza, vendikazzjoni b’vendikazzjoni, kif kultant nirraġunaw aħna. Imma Ġesù jidħol għall-Passjoni biex jieħu fuqu d-dnubiet tal-umanità. Jieħu fuqu dal-ħażen kollu sa fuq is-salib biex jista’ jifdi u jsalva lill-bniedem, lill-umanità.
Għalhekk l-għajta fuq is-salib: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” Hija l-għajta ta’ min qed iġorr fuqu d-dnubiet tal-umanità. Kif rajna fil-qari tal-kelma ta’ Alla llum, dik l-għajta hi parti minn Salm, talba li kienu jagħmlu l-Lhud, li tibda hekk “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” imma tispiċċa bil-fiduċja fil-Missier: Missier f’idejk nerħi ruħi, għax naf li għandu jkolli fiduċja fik.
Għalhekk Ġesù bil-Passjoni u l-Mewt tiegħu ħa fuqu d-dnubiet u l-ħażen tagħna biex lilna jista’ jsalvana u jifdina. Dan hu l-bidu ta’ din il-Ġimgħa Mqaddsa li għandha twassalna, bħal-lum ġimgħa, għall-festa tal-Għid, meta Ġesù jirbaħ fuq il-mewt u għalhekk jista’ għalhekk jirbaħ fuq il-ħażen u jifdi l-ħażen tal-bniedem.
Illum nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ din is-salvazzjoni li jagħtina. Nirringrazzjawh li ħa fuqu d-dnubiet tagħna biex isalvana. Nitolbuh li aħna jkollna dejjem f’qalbna l-gratitudni lejh u dejjem ngħixu ukoll b’dan l-ispirtu sabiħ tiegħu, li juri tul il-Passjoni kollha u l-Mewt tiegħu – l-ispirtu ta’ fiduċja fil-Missier li hu għad iqum mill-mewt u jkollu r-rebħa sħiħa fuq il-ħażen.
Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju