Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof – 6 ta’ April 2020


It-Tnejn, 6 ta’ April 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof…

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Bdejna jiem tassew għeżież li fihom fil-quddiesa l-Knisja ssemmgħalna l-profeziji ta’ Iżaija dwar il-qaddej tal-Mulej, il-qaddej li jsofri, li jġorr it-tbatijiet tal-poplu u għalhekk issir ġustizzja għall-ġnus. “Araw il-qaddej tiegħi li jiena nwieżen, il-maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet” (Iż 42:1).

F’dan l-ewwel innu tal-qaddej ta’ Alla, il-Messija jiġi ppreżentat bħala Messija ta’ ħlewwa kbira: “ma jgħajjatx, ma jgħollix leħnu […], qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfihx” (Iż 42:2-3). Aħna li ninsabu mġelġlin, li aħna musbieħ inemnem, nafu li jekk nintelqu f’idejn il-Mulej la se jiksirna u lanqas se jitfina. Ġie biex jitgħabba bid-dgħufija tagħna u jsalvana.

Fl-Evanġelju nsibu mara li ħuha kien għadda mill-mewt għall-ħajja bil-qawwa ta’ Ġesù. Marta bdiet isservi. Marija wkoll, oħt Marta, riedet turi l-gratitudni tagħha lejn Ġesù. Ħadet “libbra fwieħa tan-nard pur tiswa’ ħafna u dilket biha riġlejn Ġesù, imbagħad ixxuttathomlu b’xagħarha” L-evanġelista San Ġwann jagħtina dettall ħelu u profond: “Id-dar imtliet bir-riħa tfuħ” (Ġw 12:3).

Niftakru li meta qrajna l-Evanġelju tal-qawmien ta’ ħuha Lazzru mill-mewt bil-qawwa setgħana ta’ Ġesù, aħna konna smajna dwar l-intiena tal-mewt: “Mulej ġa ilu erbat ijiem mejjet diġà beda jinten” (Ġw11:39). Illum id-dar ta’ Lazzru timtela bir-riħa tfuħ ta’ din id-dilka li Ġesù stess isejħilha: ‘id-dilka tad-difna tiegħu’ (Ġw 12:7). Imma din il-fwieħa mhix biex tgħatti l-intiena tal-mewt imma hija sinjal tar-rebħa ta’ Ġesù fuq il-mewt. Fil-bidu ta’ din il-Ġimgħa Mqaddsa aħna diġà nibdew induqu mill-fwieħa tal-qawmien ta’ Ġesù.

Ġesù ma jistmerrx il-gratitudni ta’ Marta u Marija u Lazzru, ma jistmerrx il-gratitudni li ġejja mid-devozzjoni imma ma jinsiex il-fqar

Ġuda l-Iskarjota jaħbi r-regħba tiegħu taħt il-mant tal-imħabba lejn il-fqar: “Din il-fwieħa għax ma nbiegħetx 300 dinar biex jingħataw lill-foqra?” (Ġw 12:5). U Ġwanni malajr jgħaddi l-kumment: “Dan qalu mhux għax kien jimpurtah mill-foqra imma għax kien ħalliel. U billi hu kien il-kaxxier, jien jisraq kulma kienu jaqilgħu” (Ġw 12:6). Ir-regħba li għamiet lil Ġuda tagħmih ukoll quddiem l-att ta’ gratitudni. Il-prezz li jagħti għal din il-fwieħa huwa prezz straordinarju għaliex dinar kien il-paga ta’ jum u, skont il-kalkolu ta’ Ġuda, din il-fwieħa prezzjuża kienet tiswa’ 10 xhur paga. Tant kienet prezzjuża!

“Ħalliha, din il-fwieħa kienet refgħetha għall-jum id-difna tiegħi” (Ġw 12:7). Ġesù ma jistmerrx il-gratitudni ta’ Marta u Marija u Lazzru, ma jistmerrx il-gratitudni li ġejja mid-devozzjoni imma ma jinsiex il-fqar: “il-foqra dejjem issibuhom magħkom” (Ġw 12:8). Jekk aħna ninsew il-foqra, jista’ jkun li Ġesù jkun għaddej u nitilfu ċ-ċans li niltaqgħu miegħu.

Jissemma’ wkoll Lazzru. Lazzru isir xhud tal-qawwa ta’ Ġesù. Il-qassisin il-kbar ftehmu fil-fatt li joqtlu lil Lazzru wkoll għax minħabba fih ħafna mil-Lhud bdew jemmnu f’Ġesù. Min jiltaqa’ magħna jemmen f’Ġesù? Min jiltaqa’ magħna jara fina l-opra qawwija tal-grazzja u tal-maħfra li jagħtina l-Mulej? Ejjew illum f’dan l-ewwel jum tal-Ġimgħa Mqaddsa nitolbu li nkunu bħal Marija, bħal Marta u bħal Lazzru.