Illum il-Knisja tfakkar lil San Ġwann Battista De La Salle


Fis-7 ta’ April l-Knisja tfakkar lil San Ġwann Battista De La Salle, Saċerdot li għex bejn is-snin 1651 sa 1719.

Il-Fundatur tal-“Freres” twieled f’Rheims, Franza, fit-30 ta’ April, 1651, f’familja nobbli u sinjura ħafna. Fl-1670, daħal is-Seminarju ta’ Pariġi, u ġie ordnat saċerdot fl-1678, meta kellu 28 sena.

Sentejn wara ltaqa’ ma Adrian Nyel, u miegħu beda jaħdem għall-edukazzjoni tat-tfal foqra. Baqa’ sakemm intefa’ b’ruħu u b’ġismu f’dan ix-xogħol. Ħalla d-dar u l-kanonikat, flusu beda jonfoqhom fit-tfal, u beda jgħix fl-istess livell tal-foqra li għalihom iddedika l-kumplament ta’ ħajtu.

Beda jiftaħ skola waħda wara l-oħra, u minn żmien għal żmien kien iżurhom. Kien jinkoraġġixxi l-għalliema, jagħtihom pariri, u jissuġġerilhom metodi ġodda biex jgħallmu aħjar. Ġieli stedinhom id-dar tiegħu biex jieklu, u joqogħdu miegħu. B’hekk bdiet ir-rabta ma’ wħud minnhom, li wara, permezz tagħhom waqqaf il-Kongregazzjoni tal-Aħwa (Freres), fit-28 ta’ Mejju, 1684.

Fl-1684, l-ewwel tnax-il dixxiplu għamlu l-professjoni temporanja u poġġew il-kongregazzjoni taħt il-ħarsien speċjali tal-Madonna. Iżda fl-1700, qamu l-ewwel diffikultajiet minħabba l-metodi ġodda fit-tagħlim introdotti mill-fundatur. Hekk, pereżempju dawk li kienu jiċċarġjaw għat-tagħlim fl-iskejjel kienu kontra t-tagħlim b’xejn kif kien jingħata fl-iskejjel ta’ San Ġwann Battista de la Salle. Barra minn dan, anki s-Sulpizjani rreaġixxew kontra tiegħu għax il-qaddis warrab il-metodi tradizzjonali li kien spiċċa żmienhom u kien jinsisti għall-użu tal-Franċiż aktar milli tal-Latin. Għalkemm għall-ewwel l-intenzjoni tiegħu kienet li jmexxi biss skejjel b’xejn għall-foqra, fl-1698, fuq talba tas-Sultan James (Ġakbu) II tal-Ingilterra, hu fetaħ l-ewwel skola għat-tfal subien tal-klassi aristokratika.

Il-metodi pedagoġiċi tiegħu wasslu għat-twaqqif ta’ stituti ta’ studju għall-gradwati, l-organizzazzjoni tal-klassijiet ta’ nhar ta’ Ħadd, kif ukoll skejjel tas-snajja għal studenti bejn is-7 u l-20 sena. San Ġwann Battista de la Salle sab ruħu umiljat minn xi dixxipli tiegħu li kienu jikkritikawh għax kien iddedikat iżżejjed għall-istudenti mill-klassijiet tal-baxxi, u wkoll ikkritikat mill-aristokrazija, li kienu jakkużawh għax kien qed jiddiżunura l-istatus tiegħu tal-klassi nobbli li kien.

Barra mill-iskejjel primarji u sekondarji li waqqaf, ħa ħsieb ukoll jiftaħ Kulleġġi tal-Għalliema (Colleges of Education). L-ewwel wieħed li fetaħ kien f’Rheims, fl-1687, imbagħad f’Pariġi, fl-1699, u ieħor f’Saint Denis fl-1709. L-iskejjel tiegħu xterdu ma’ Franza kollha, u mad-dinja. Il-metodi tiegħu biddlu s-sistema edukattiva ta’ żmienu. Dan swielu ħafna diżappuntamenti, ostakli u oppożizzjoni minn niesu, mill-awtoritajiet, u speċjalment mill-Ġensinisti li kienu qawwija ħafna.

Fl-1695, ifformula sett ta’ Regoli għall-Komunita’ tiegħu. Kiteb ukoll ttrattat fuq l-edukazzjoni, “It-Tmexxija tal-Iskejjel Insara”. San Ġwann Battista de la Salle rriżenja minn superjur fl-1717, sentejn qabel ma miet, u ddedika lilu nnifsu għall-istruzzjoni tan-novizzi u l-pubblikazzjoni ta’ xi kotba, fosthom ‘Metodu ta’ Talb Mentali’ (meditazzjonijet).

Mifluġ mill-ażma u r-rewmatiżmu, miet nhar il-Ġimgħa l-Kbira, fis-7 t’April 1719, meta kellu 68 sena, f’Rouen, Franza. Minkejja l-ħafna provi li għadda minnhom, kliem dan il-qaddis edukatur fuq is-sodda tal-mewt kienu: “jien nadura l-mod kif Alla mexa miegħi fil-ħwejjeġ kollha li jirrigwardaw lili.” Kien iddikjarat qaddis flimkien ma’ Santa Rita fl-1900 minn Ljun XIII. Il-papa Piju XII fl-1950 iddikjarah qaddis patrun tal-għalliema.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.