L-eroj li lebsin il-kannella


Diġà seħħet darbtejn! Iċ-ċapċipa ferm sabiħa! Li dwiet mal-għeżież Malta u Għawdex tagħna! Kienet ċapċipa ta’ apprezzament. Għall-eroj siekta li qed jieħdu ħsieb lil uliedek u uliedi, ħutek u ħuti, il-ġenituri tiegħek u tiegħi, u l-bqija!

Din iċ-ċapċipa turi wkoll il-qalb kbira li hawn fostna għal min il-Mulej qed jużah u jużaha biex, bih u biha, isalvalna ħajjitna. Minn dan ix-xitan li hawn idur fostna. Il-coronavirus! Nifraħ meta nara lit-tobba, l-infermieri u l-istaff kollu mediku, paramediku u l-voluntieri jiġu mfaħħrin! Għax dan mhux ftaħir iżda apprezzament, għarfien, kuraġġ u solidarjetà. Kull xogħol fl-isptar hu impenjattiv. U dan ngħidu jien, il-Patri sempliċi, li, f’din is-sena, inkun qattajt mal-ħmistax-il sena naħdem mal-morda. Il-biċċa hi li, aktar ma jgħaddi ż-żmien minn fuqek, aktar dak ix-xogħol isir vokazzjoni u missjoni. Għax jiġi msajjar mill-għerf tal-esperjenza u tal-maturità tal-Ispirtu s-Santu. U din tassew hi xi ħaġa sabiħa! Li għandna nibżgħu għaliha! Ma ninsewx: is-siġra li tkun qed tagħti frott tajjeb mhux talli ma naqilgħuhiex minn postha talli ndemmluha ħa tagħmel frott aktar. Bħalma nħoss jien. Għalija nnifsi. Ma noħlomx b’xogħol ieħor. Għax mal-morda jridni Ġesù. U dan qed ngħidu biex min għandu jkun responsabbli jisma’ din il-kelma, jiftaħ qalbu għaliha u jħalli lil Ġesù jmexxieh u mhux intenzjonijiet oħra. Intant!…

Illum imma nixtieq insemmi nies oħra li huma eroj fl-isptarijiet tagħna. Nies li jilbsu l-kannella. U jġorru madwar qaddhom iċ-ċinglu. U b’kappoċċ kbir fuq dahru. Nies li, uħud minnhom, irqaq u żnelli. U bid-daqna wkoll. Ġieli issibhom bis-sandli. Filwaqt li oħrajn aktar minfuħin. Bla daqna. U jilbsu ż-żarbun. Filwaqt li jimxu bħall-għarfa fekkruna! U, lil dawn, ngħidilhom li għandhom għax tabilħaqq jirringrazzjaw lill-Mulej Ġesù daqskemm iħobbhom! Għax qatt ma jistgħu jaqgħu fl-iżball tal-fenek! Li, għax irqajjaq, jaħseb li se jasal malajr fid-destinazzjoni tiegħu! Le għażiż fenek! Bil-mod sieħbi! Ara l-wire! U ħu ħsieb il-ħajt!

U min huma dawn l-eroj? Huma sħabi! Il-Patrijiet Kappuċċini! Ħuti li tani l-Mulej Ġesù! U li magħhom, flimkien, u kull wieħed skont kemm jagħtih il-Mulej, qed iwettaq il-ħidma tiegħu ma’ Ġesù fil-morda! Illum, jien, Patri Mario Attard, irrid inkun l-ewwel wieħed li ninfexx f’applawż. Mhux biex nidher ħelu quddiemhom jew quddiemkom tafux, bl-iskuża li “nagħti xhieda”(?). Illum ngħid li x-xhieda nagħtiha meta nispiċċa, bħalkom u bħalhom, passatur. Għax dak jinfdek minn hawn u dik tinfdek minn hemm u dawk jinfduk ukoll. U hekk ikompluni għall-ħdud u l-festi! Imma dik il-veru xhieda ta!

Imma illum inħoss li għandi nagħti l-applawż tiegħi lil ħuti l-Patrijiet Kapuċċini. Għax-xogħol kbir u tad-deheb li wettqu u għadhom qed iwettqu fl-isptarijiet tagħna. Ngħidilkom GRAZZI! U niżżiekom ħajr għas-sagrifiċċji li twettqu! Hemm l-età, l-istat ta’ saħħa u l-bqija. U forsi, skont xi “kotba”(?) għandkom tieqfu. Taf int! Hemm il-limiti tagħkom. Imma intom, għax għorrief u mhux studjużi tal-ilma qiegħed, ma xħettux it-tama tagħkom f’dawk il-“kotba” (?) Li, b’naqra riċerka, tista’ toħroġ teżi tad-dottorat u twaqqa’ l-argumenti li ppreżentaw dawn il-“kotba” (?) qabel. U hekk, l-akkademja, issir chewing gum ta’ idejat. Jew dawradurella intelletwali. Insomma! Xejn xejn biex inħaddmu r-roti tal-moħħ u l-printers taċ-ċertifikati!

Intom Patrijiet ta’ veru! U qalbiena! Li magħkom ħdimt u għadni naħdem. Għerfkom jistrieħ fuq il-“ktieb.” L-Evanġelju Mqaddes! Oh! Ħuti l-Patrijiet fl-isptarijiet, mingħajr ħafna priedki, korsijiet, u safar bla għadd, intom ftaħtu qalbkom għall-Ispirtu s-Santu u ħallejtuh jgħallimhom l-essenza ta’ dak li riedna ngħixu Missierna San Franġisk fir-Regola revoluzzjonarja tiegħu. Jiġifieri: Ir-Regola u l-ħajja tal-Patrijiet Minuri hi din, jiġifieri: li jħarsu l-Vanġelu Mqaddes tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, billi jgħixu fl-ubbidjenza, bla xejn tagħhom u fis-safa. Hekk ħi tibda’ l-ħajja tal-Patrijiet Minuri f’Isem il-Mulej! Bil-vanġelu! Li jgħidli u jgħidlek: kont marid u ġejtu tarawni (Mt 25:36) u kont marid u … ma ġejtux iżżuruni! (Mt 25:43). Grazzi ħuti l-Patrijiet fl-isptarijiet li intom għażiltu lill-Mulej Ġesù għax iżżuruh fil-morda biex takkumpanjawh! Tferrħuħ! U tfarrġuH!

Grazz li għaraftu li din hi l-vera iġene! L-iġene tar-ruħ! U ma ħallejtux lilkom infuskom tiġu mqarqa mill-iġjene l-oħra li taf tkun skuża fina f’idejn ix-“xitan nadif” biex ma taqdux lil Dak li qal, b’serjetà kbira u għarqan xraba u jinten bl-għaraq tax-xogħol: Hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra (Mk 10:45).

Grazzi ħuti ta’ dak li intom! Grazzi tax-xogħol tagħkom! Grazzi li ma taħsubhiex l-istess! U ibqa’ aħsbuha differenti minn xulxin! U grazzi li twassluli din l-iġjene tal-ħniena, u mhux l-oħra, tax-“xitan nadif” li ma jaqdix. Għax l-iġjene tal-ħniena BISS twassal fil-ħajja ta’ dejjem! Il-ħajja li tistħoqq lil dawk li jgħixu l-kelma ta’ Ġesù: Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott (Ġw 12:24).

Grazzi eroj li lebsin il-kannella! Hawn hu l-applawż tiegħi!…

Patri Mario Attard OFM Cap