Kardinal Pell jikteb dwar it-tbatija, il-ħabs u l-coronavirus


Il-Kardinal George Pell għadu kif ħareġ minn tlettax ix-xahar ħabs wara li l-ogħla qorti fl-Awstralja sabet li ma kienx ħati tal-akkuzi li saru kontrih dwar l-abbuż sesswali ta’ żewġ subien fil-kor tal-Katidral ta’ Melbourne fis-snin ’90.

pell
Il-Kardinal Pell wara li ħareġ mill-ħabs.

Pell kien instab ħati f’Diċembru tal-2018, għalkemm il-ġuri li kien sar qabel ma seta’ jasal għal ebda verdett. Hu appella din is-sentenza fil-Qorti tal-Appell f’Victoria, u reġa’ appella fl-ogħla qorti tal-Awstralja fejn ħareġ illiberat.

Il-Kardinal qal li l-kriżi tal-abbuż sesswali għamlet ħsara lil eluf ta’ vittmi u għamlet ħsara wkoll lill-Knisja Kattolika.

F’kitba tiegħu fl-“Australian”, il-Kardinal kiteb dwar it-tbatija. Qal li t-tbatija tolqot lil kulħadd u twasslek biex tistaqsi: “Għaliex hawn daqshekk ħażen u tbatija? Għaliex kelli nkun jien li nġarrab din it-tbatija kollha?”Iżda kompla jisħaq li hemm differenza fundamentali bejn il-mod kif jgħixu t-tbatija dawk li għandhom lil Alla f’ħajjithom u dawk li m’għandhomx.

“Kont naf li Alla hu miegħi, imma ma kontx naf fejn ried iwassalni”

Filwaqt li semma’ l-esperjenza tiegħu ta’ 13-il xahar ħabs dwar reat li ma kienx ikkommetta u d-diżappunti li kellu, hu kiteb hekk: “Kont naf li Alla hu miegħi, imma ma kontx naf fejn ried iwassalni, għalkemm irrealizzajt li Hu jħalli lil kulħadd fil-libertà”. U kompla: “Kull daqqa li kont naqla’, kont noffriha Lilu u kont inħossni nitfarraġ”. Pell qal li ried joffri t-tbatija tiegħu lil Alla biex minnha toħroġ xi ħaġa li tkun ta’ ġid, għax “it-tbatija tista’ tinbidel f’enerġija spiritwali”.

Fil-messaġġ tiegħu għall-Għid, il-Kardinal iddeskriva l-esperjenza tal-pandemija tal-corona virus bħala waħda unika, kemm għal kbar kif ukoll għall-ġenerazzjoni żagħażugħa, filwaqt li tkellem dwar il-qawwa li tgħin lill-Insara biex jgħixu dan il-mument iebes tal-pandemija. Qal: “Xi wħud jistgħu jħarsu lejn iż-żmien ta’ Covid-19 bħala żmien ikrah għal dawk li jemmnu f’Alla tajjeb, Alla Mħabba u Għerf suprem, il-Ħallieq tal-Univers”. U żied jgħid: “It-tbatija hi misteru; kull tbatija hi misteru, speċjalment daqshekk imwiet minħabba flaġell u gwerer. Imma n-nisrani jista’ jgħix it-tbatija ħafna aħjar milli ateju jista’ jispjega l-ġmiel u l-hena tal-ħajja”.

 Rapport għal-Laikos minn Vivienne Attard

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.