Il-Papa Ljun XIV jkompli bil-katekeżi dwar il-Lumen Ġentium. Il-Ħames Kapitlu

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 8 ta’ April 2026

Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II
II. Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium
7. Qdusija u kunsilli evanġeliċi fil-Knisja

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

Il-Kostituzzjoni tal-Konċilju Vatikan II Lumen genitum (LG) fuq il-Knisja tiddedika kapitlu sħiħ, il-ħames wieħed, lis-sejħa universali għall-qdusija tal-fidili kollha: kull wieħed u waħda minna msejjaħ biex jgħix fil-grazzja ta’ Alla, billi jipprattika l-virtujiet u jitwaħħad ma’ Kristu. Il-qdusija, skont il-Kostituzzjoni konċiljari, mhijiex privileġġ għal xi ftit, imma don li jimpenja lil kull imgħammed biex jimxi lejn il-perfezzjoni tal-imħabba, jew aħjar, lejn il-milja tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu. Fil-fatt, l-imħabba hija l-qalba tal-qdusija li għaliha huma msejħin dawk kollha li jemmnu: imsawba mill-Missier, permezz ta’ Ibnu Ġesù, din il-virtù “tmexxi l-mezzi kollha tal-qdusija, tagħtihom ħajja u twassalhom għall-għan tagħhom” (LG, 42). L-ogħla livell tal-qdusija, bħal fil-bidu tal-Knisja, huwa l-martirju, “l-ogħla don li wieħed jista’ jirċievi u l-akbar prova ta’ mħabba li jista’ jagħti” (LG, 50): għal din ir-raġuni, it-test konċiljari jgħallimna li kull min jemmen, għandu jkun lest jistqarr lil Kristu sat-tixrid tad-demm (ara LG, 42), kif seħħ dejjem u jseħħ anki llum. Din id-disponibbiltà għax-xhieda sseħħ kull darba li l-Insara jħallu sinjali ta’ fidi u ta’ mħabba fis-soċjetà, u jimpenjaw ruħhom għall-ġustizzja.

Is-Sagramenti kollha, u eminentement l-Ewkaristija, huma nutriment li jseddaq ħajja qaddisa, u jwaħħad lil kull persuna ma’ Kristu, xempju u kejl tal-qdusija. Hu jqaddes il-Knisja, li tagħha hu Ras u Ragħaj: f’din l-ottika, il-qdusija hi don tiegħu, li tidher fil-ħajja tagħna ta’ kuljum kull darba li nilqgħuha bil-ferħ u magħha nżidu l-impenn tagħna. Dwar dan, San Pawlu VI, fl-Udjenza ġenerali tal-20 ta’ Ottubru 1965, fakkarna li l-Knisja, biex tkun awtentika, trid li l-imgħammdin kollha “jkunu qaddisin, jiġifieri tabilħaqq ulied denji tagħha, qawwija u fidili”. Dan iseħħ bħala trasformazzjoni interjuri, li biha l-ħajja ta’ kull persuna tiġi konformata ma’ Kristu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu (ara Rum 8:29; LG, 40).

Il-Lumen gentium tiddeskrivi l-qdusija tal-Knisja Kattolika bħala karatteristika kostituttiva tagħha, li nirċevuha bil-fidi, għax “hija qaddisa bla ma tista’ qatt tonqos” (LG, 39): dan ma jfissirx li hi hekk b’mod sħiħ u perfett, imma hi msejħa tikkonferma dan id-don divin matul il-pellegrinaġġ tagħha lejn id-destinazzjoni eterna, hija u miexja “qalb il-persekuzzjonijiet tad-dinja u l-konsolazzjonijiet ta’ Alla” (Santu Wistin, De civ. Dei 51,2; LG, 8). Ir-realtà kerha tad-dnub fil-Knisja, jiġifieri fina lkoll, tistieden lil kull persuna biex tagħmel bidla serja f’ħajjitha, u tafda fil-Mulej, li jġeddidna fl-imħabba. Proprju din il-grazzja infinita, li tqaddes lill-Knisja, tagħtina missjoni xi nwettqu ġurnata wara l-oħra: dik tal-konverżjoni tagħna. Għalhekk il-qdusija ma għandhiex biss natura prattika, bħallikieku kienet riduċibbli għal impenn etiku, kbir kemm hu kbir, imma tmiss l-istess essenza tal-ħajja Nisranija, personali u komunitarja.

F’din il-perspettiva, għandha rwol deċiżiv il-ħajja kkonsagrata, li l-Kostituzzjoni konċiljari tittratta fil-kapitlu sitta (ara nn. 43-47). Fil-poplu qaddis ta’ Alla hi tikkostitwixxi sinjal profetiku tad-dinja ġdida, li jiġi mgħix hawn u issa fl-istorja. Fil-fatt, sinjali tas-Saltna ta’ Alla, diġà preżenti fil-misteru tal-Knisja, huma dawk il-kunsilli evanġeliċi li jagħtu forma lil kull esperjenza ta’ ħajja kkonsagrata: il-faqar, il-kastità u l-ubbidjenza. Dawn it-tliet virtujiet ma humiex preskrizzjonijiet li jżommu l-libertà kkalzrata, imma doni ħelliesa tal-Ispirtu s-Santu, li permezz tagħhom xi fidili huma kkonsagrati totlament lil Alla. Il-faqar jesprimi l-affidament sħiħ għall-Providenza, u jeħles mill-kalkolu u mill-profitt; l-ubbidjenza għandha bħala mudell tagħha d-don li Kristu għamel tiegħu nnifsu lill-Missier, li jeħles mis-suspett u mill-ħakma fuq l-oħrajn; il-kastità hija l-għotja ta’ qalb integra u safja fl-imħabba, għall-qadi ta’ Alla u tal-Knisja.

Meta jitwaħħdu ma’ dan l-istil ta’ ħajja, il-persuni kkonsagrati jkunu jagħtu xhieda tas-sejħa universali għall-qdusija li għandha l-Knisja kollha, fl-għamla ta’ dixxipulat radikali. Il-kunsilli evanġeliċi juru l-parteċipazzjoni sħiħa fil-ħajja ta’ Kristu, sal-punt tas-salib: huwa proprju mis-sagrifiċċju tal-Imsallab li lkoll niġu mifdija u mqaddsa! Aħna u nikkontemplaw din il-ġrajja, nafu li ma hemmx esperjenza umana li Alla ma jifdix: saħansitra t-tbatija li tingħax f’għaqda mal-passjoni tal-Mulej, issir triq ta’ qdusija. Hekk, il-grazzja li tikkonverti u tibdel il-ħajja sseddaqna f’kull prova, u turina bħala destinazzjoni mhux ideal imbiegħed, imma l-laqgħa ma’ Alla, li sar bniedem għall-imħabba. Il-Verġni Marija, Omm kollha kemm hi qaddisa tal-Verb inkarnat, twieżen u tħares dejjem il-mixja tagħna.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading