MESSAĠĠ URBI ET ORBI
TAL-QDUSIJA TIGĦU LJUN XIV
L-GĦID 2026
Loġġaċentrali tal-Bażilika ta’ San Pietru
Il-Ħadd 5 ta’ April 2026
Ħuti,
Kristu qam! L-Għid it-tajjeb!
Il-Knisja ilha sekli tkanta b’ferħ kbir il-ġrajja li tat bidu u hija l-pedament tal-fidi tagħha: “Irxoxta mill-mewt Kristu Sidna./ Imma issa jsaltan rebbieħ./ Iva, aħna dan nafuh fiż-żgur:/ Kristu qam tassew./ Int, Sultan rebbieħ,/ ikollok ħniena minna” (cfr Sekwenza tal-Għid).
L-Għid hu rebħa: tal-ħajja fuq il-mewt, tad-dawl fuq id-dlam, tal-imħabba fuq il-mibegħda. Rebħa li prezzha kien ferm għoli: Kristu, Iben Alla l-ħaj (cfr Mt 16,16) kellu jmut, u jmut fuq salib, wara li sofra kundanna inġusta, kien imżeblaħ u torturat, u wara li xerred demmu kollu. Bħala veru Ħaruf issagrifikat, ħa fuqu d-dnub tad-dinja (cfr Ġw 1,29; 1Pt 1,18-19) u hekk lilna lkoll tana l-helsien, u magħna, il-ħoqlien ġie meħlus mid-dominju tal-ħażen.
Iżda kif rebaħ Ġesù? Liema hi qawwa li biha hu għeleb darba għal dejjem l-Għadu antik, il-Prinċep ta’ din id-dinja (cfr Ġw 12,31)? B’liema qawwa qam mill-imwiet, bla ma reġa’ lura lejn il-ħajja ta’ qabel, iżda billi daħal fil-ħajja ta’ dejjem u hekk, b’laħmu fetaħ il-mogħdija minn din id-dinja lejn il-Missier?
Din il-qawwa, din is-saħħa, hi Alla nnifsu, Imħabba li taħlaq u tiġġenera, Imħabba fidila sal-aħħar, Imħabba li taħfer u tirhan.
Kristu “Is-Sultan rebbieħ” tagħna, tqabad u rebaħ il-battalja tiegħu għax intelaq bil-fiduċja fir-rieda tal-Missier, fil-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni (cfr Mt 26,42). Hekk hu baqa’ miexi sal-aħħar fit-triq tad-djalogu, mhux bil-klliem iżda bi-fatti: biex isib lilna li konna mitlufin, ħa l-ġisem, biex jeħlisna mill-jasar sar lsir hu, biex jagħti l-ħajja lilna li mmutu, ħalla ‘l min joqtlu fuq salib. Il-qawwa li biha Kristu qam mill-mewt hi nieqsa għal kollox mill-vjolenza. Tixbaħ dik ta’ żerriegħa ċkejkna tal-qamħ, li titmermer taħt l-art, tikber, tiftaħ triq bejn iċ-ċapep tal-ħamrija, tinbet u ssir sbula dehbiena. U tkun aktar tixbaħ lil dik il-qalb umana li, midruba minn xi offiża, tiċħad l-istint tat-tpattija u mimlija ħniena titlob għal min offendiha.
Ħuti, din hi l-vera forza li ġġib il-paċi lill-umanità, għax tiġġenera relazzjonijiet ta’ rispett fil-livelli kollha: bejn individwi, familji, gruppi soċjali, bejn in-nazzjonijiet. Ma tfittixx interessi partikolari, imma l-ġid komuni; ma tfittixx li timponi l-pjan tagħha, imma pjuttost li tagħti sehemha biex tippjanah u twettaqu flimken mal-oħrajn.
Iva, il-qawmien ta’ Kristu hu l-bidu ta’ umanità ġdida, hu l-veru dħul fl-art imwiegħda, fejn isaltnu l-ġustizzja, il-libertà, il-paċi, fejn kulħadd iqis lill-oħrajn kollha bħala aħwa, ulied l-istess Missier li huwa Mħabba, Ħajja, Dawl.
Ħuti, bil-qawmien tiegħu mill-imwiet, il-Mulej iqegħedna b’qawwa akbar quddiem id-dramm tal-libertà tagħna. Quddiem il-qabar vojt, nistgħu nimtlew bit-tama u l-istagħġib, bħad-dixxipli, jew bil-biża’ bħall-gwardji u l-Fariżej, imġiegħla jirrikorru għall-gideb u l-qerq, minflok ma nagħrfu li l-ikkundannat verament qam mill-imwiet (cfr Mt 28,11-15)!
Fid-dawl tal-Għid inħallu lil Kristu jkun l-istagħġib tagħna! Ejjew inħallu qlubna jinbidlu mill-imħabba bla tarf tiegħu għalina! Min għandu l-armi f’idejh iwarrabhom! Min għandu s-setgħa jibda l-gwerer għandu jagħżel il-paċi. Mhux paċi tal-forza, imma paċi tad-djalogu! Mhux bir-rieda tad-dominazzjoni fuq l-ieħor imma bir-rieda li jiltaqa’ mal-ieħor!
Qed nidraw ngħixu mal-vjolenza, nirrassenjaw ruħna għaliha u nsiru indifferenti. Indifferenti għall-mewt ta’ eluf ta’ persuni. Indifferenti għall-konsegwenzi tal-mibegħda u l-firda li jiżirgħu l-kunflitti. Indifferenti għall-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali li jipproduċu, u li lkoll aħna konxji tagħhom. Dejjem qed tiżdied “il-globalizzazzjoni tal-indifferenza” biex niftakru espressjoni li kienet għal qalb il-Papa Franġisku, li sena ilu, minn dil-loġġa kien indirizza l-aħħar messaġġ tiegħu lid-dinja u fakkarna: “Kemm għatx għall-mewt naraw ta’ kuljum fil-bosta kunflitti li qed jolqtu diversi nħawi tad-dinja!” (Messaġġ Urbi et Orbi 20 ta’ April, 2025).
Is-salib ta’ Kristu jfakkarna dejjem fit-tbatija u n-niket li ġġib magħha l-mewt u t-turmenti marbutin magħha. Ilkoll nibżgħu mill-mewt u minħabba l-biża’ ndawru wiċċna n-naħa l-oħra, nippreferu ma narawx. Ma nistgħux nibqgħu indifferenti! Ma nistgħux nirrassenjaw ruħna għall-ħażen! Santu Wistin jgħallem: “jekk tibża’ mill-mewt ħobb il-qawmien!” (Sermo I 24, 4). Ejjew aħna wkoll inħobbu l-qawmien li jfakkarna li l-ħażen m’għandux l-aħħar kelma għax ingħeleb mill-Irxoxt.
Hu għadda mill-mewt biex iġibilna l-ħajja u l-paċi: “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja” (Ġw 14,27). Il-paċi li jtina l-Mulej mhix biss dik li ssikket l-armi, iżda dik li tmiss il-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna! Nikkonvertu għall-paċi ta’ Kristu! Ejjew insemmgħu l-għajta tal-paċi li tnixxi mill-qalb! Għaldaqstant nistieden lil kulħadd biex jingħaqad miegħi għal velja ta’ talb għall-paċi li se niċċelebra hawn, fil-Bażilika ta’ San Pietru, is-Sibt li ġej, 11 ta’ April.
F’dan il-jum ta’ festa ejjew nabbandunaw kull xewqa għall-ġlied, għad-dominanza u l-poter, nitolbu lill-Mulej jagħti l-paċi tiegħu lid-dinja mifnija mill-gwerra u ttimbrata mill-mibegħda u l-indifferenza li quddiem il-ħażen iħalluna bla saħħa. Lill-Mulej nirrikmandawlu l-qlub kollha li qed ibatu u qed jistennew il-vera paċi li Hu biss jista’ jagħti. Nafdaw ruħna f’idejh u niftħulu qlubna. Hu jġedded kollox (cfr Apok 21,5)!
L-Għid it-tajjeb!
Awguri b’lingwi differenti
(fi tmiem il-messaġġ Urbi et Orbi, qabel il-Barka)
Lil kulmin qed jismagħni nagħti awguri minn qalbi b’xi lingwi oħra:
Taljan: L-Għid it-tajjeb! Wasslu lil kulħadd il-ferħ ta’ Kristu Rxoxt u preżenti fostna.
Franċiż: L-Għid it-tajjeb! Wasslu lil kulħadd il-ferħ ta’ Kristu Rxoxt u preżenti fostna.
Ingliż: L-Għid it-tajjeb! Wasslu l-ferħ ta’ Ġesù, li rxoxta u jinsab fostna lil kulmin tiltaqgħu miegħu.
Ġermaniż: L-Għid it-tajjeb! Wasslu l-ferħ ta’ Ġesù, li rxoxta u jinsab fostna lil kulmin tiltaqgħu miegħu.
Spanjol: Wasslu lil kulħadd il-ferħ ta’ Kristu Rxoxt u preżenti fostna.
Portugiż: Wasslu lil kulħadd il-ferħ ta’ Kristu Rxoxt u preżenti fostna.
Polakk: L-Għid it-tajjeb
Għarbi: Qawmien glorjuż
Cinese: L-Għid it-tajjeb
Latin: Jalla l-festa tal-qawmien tal-Mulej tkun ta’ ferħ għalikom! Ġesù rxuxtat, u jinsab fostna, aqsmu l-ferħ tagħkom ma’ kulħadd.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber