Il-Papa Ljun XIV waqt ir-Regina Caeli, l-għada tal-Għid il-Kbir

IL-PAPA LJUN XIV
REGINA CAELI
Pjazza San Pietru
It-Tnejn tal-Anġlu, 6 ta’ April, 2026

Għeżież ħuti, Kristu rxoxta! L-Għid it-tajjeb!

Din it-tislima, mimlija stagħġib u ferħ, se tibqa’ magħna l-ġimgħa kollha.  Hi u tiċċelebra l-jum ġdid li l-Mulej għamel għalina, il-liturġija qed tiċċelebra d-dħul tal-ħolqien kollu fiż-żmien tas-salvazzjoni: id-disperazzjoni tal-mewt tneħħiet għal dejjem f’isem Ġesù.

L-Evanġelju tal-lum (Mt 28, 8-15) jitlobna nagħżlu bejn żewġ rakkonti: jew dak tan-nisa li ltaqgħu mal-Irxoxt (v. 9-11), inkella dak tal-għassiesa, korrotti bil-flus tal-kapijiet tas-sinedriju (v. 11-14).  Dawk tal-ewwel ħabbru r-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt; tat-tieni ħabbru li l-mewt rebbieħa dejjem u kull kif.  Infatti, fil-verżjoni tagħhom, Ġesù ma rxuxtax imma l-katavru tiegħu kien insteraq.  Mill-istess fatt, mill-qabar vojt, jinstiltu żewġ interpretazzjonijiet: “waħda għajn ta’ ħajja ġdida u eterna, l-oħra ta’ mewt ċerta u definittiva.

Dal-kuntrast iġagħalna nirriflettu fuq il-valur tax-xhieda nisranija u dwar l-onestà tal-komunikazzjoni umana.  Infatti, spiss, ir-rakkont tal-verità jinħeba mill-fake news, kif ngħidu llum, jiġifieri mill-gideb, allużjonijiet u akkużi bla bażi.  Quddiem dawn l-ostakli, però, il-verità ma tibqax moħbija, anzi: tiġi tiltaqa’ magħna, ħajja u raġġjanti, iddawwal id-dlam l-aktar oħxon.  Bħalma qal lin-nisa li marru ħdejn il-qabar, Ġesù llum jgħid lilna wkoll: “Tibżgħux! Morru wasslu l-aħbar” (v.10).  Hekk, hu stess isir il-bxara t-tajba li għandna nħabbru lid-dinja: l-Għid tal-Mulej hu l-Għid tagħna, l-Għid tal-umanità, għax dal-bniedem, li miet għalina, dejjem ħaj u preżenti, jeħles l-imgħoddi minn tmien qerried, biex it-tħabbira tal-Għid tifdi l-ġejjieni tagħna mill-qabar. 

Għeżież, kemm hu importanti li dan l-Evanġelju jasal, fuq kollox, għand min hu mgħakkes mill-krudeltà li tikkorrompi l-istorja u tħawwad il-kuxjenzi!  Qed niftakar fil-popli mifluġin mill-gwerra, fl-insara persegwitati minħabba l-fidi tagħhom, fit-tfal li m’għandhomx aċċess għall-edukazzjoni.  It-tħabbir tal-Għid ta’ Kristu bil-kliem u bl-opri jfisser li nagħtu vuċi ġdida lit-tama, li altrimenti tisfa’ fgata mill-idejn vjolenti.  Infatti, meta l-Bxara t-Tajba titħabbar fid-dinja, tiċċara kull dell, f’kull żmien.

B’għożża speċjali, fid-dawl tal-Irxoxt, illum niftakru fil-Papa Franġisku li propju nhar it-Tnejn tal-Anġlu tas-sena l-oħra radd ħajtu lill-Mulej.  Waqt li niftakru fix-xhieda kbira ta’ fidi u ta’ mħabba tiegħu, nitolbu flimkien lill-Verġni Marija, Tron tal-Għerf, sabiex insiru ħabbara dejjem aktar imdawla tal-verità.

Wara r-Regina Coeli

Għeżież ħuti!

Insellem minn qalbi u nagħti merħba lilkom ilkoll, għeżież pellegrini mill-Italja u minn diversi pajjiżi.  Insellem, partikolarment liż-żgħażagħ tad-Dekanat minn Appiano Gentile.  Nerfa’ ħsiebi lejn min, f’diversi nħawi tad-dinja, qed jieħu sehem fl-inizjattivi mnedija fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Isports għall-Iżvilupp u l-Paċi, waqt li nġedded l-appell biex l-isports, bil-lingwaġġ universali ta’ fraternità tiegħu, ikun benniena ta’ inklużjoni u paċi.

Irrodd ħajr lil kulmin, f’dal-ġranet wassalli l-awguri għal Għid Qaddis.  Jien rikonoxxenti l-aktar għat-talb; bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, Alla għad irodd lura lil kulħadd id-doni tiegħu!  Nawguralkom li tqattgħu bil-ferħ u l-fidi dan it-Tnejn tal-Anġlu u dal-jiem tal-Ottava tal-Għid li bihom tittawwal iċ-ċelebrazzjoni tal-Qawmien ta’ Kristu.  Nipperseveraw fit-talb ħerqan tagħna għad-don tal-paċi għad-dinja kollha.

It-Tnejn tal-Anġlu t-tajjeb!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading