ĦADD IL-GĦID TAL-“QAWMIEN TAL-MULEJ”
QUDDIESA TA’ BINHAR
KAPPELLA PAPALI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Pjazza San Pietru
Ħadd il-Għid, 5 ta’ April 2026
Għeżież ħuti,
Il-ħolqien kollu llum jilma b’dawl ġdid, mill-art titla’ għanja ta’ ġieħ, il-qalb tagħna tintrefa’ bil-ferħ: Kristu rxoxta mill-mewt u, miegħu, aħna llum ukoll inqumu għal ħajja ġdida!
Din it-tħabbira tal-Għid tħaddan il-misteru tal-ħajja tagħna u d-destin tal-istorja u tilħaqna sa fl-abbissi tal-mewt, li minnhom inħossuna mhedda u xi drabi mifnija. Hi tiftaħna għat-tama li ma tonqosx, għad-dawl li ma jgħibx, għal dik il-milja tal-ferħ li xejn ma jista’ jxejjen: il-mewt ġiet mirbuħa għal dejjem, il-mewt ma għadx għandha setgħa fuqna!
Dan huwa messaġġ mhux dejjem faċli biex nilqgħuh, wegħda li nbatu biex nilqgħuha, għax is-setgħa tal-mewt dejjem theddidna, ġewwa u barra.
Ġewwa fina, meta t-toqol tad-dnub tagħna jżommna milli nitilqu ntiru; meta d-delużjonijiet u s-solitudni li nħossu, inixxfulna t-tamiet tagħna; meta l-preokkupazzjonijiet jew id-dispjaċiri jifgaw il-ferħ tal-ħajja; meta nħossu diqa jew għeja, meta nħossuna ttraduti jew irrifjutati, meta jkollna nħabbtu wiċċna mad-dgħufija tagħna, mat-tbatija, mat-taħbit ta’ kull ġurnata, allura jidhrilna li spiċċajna f’mina li m’aħniex naraw mnejn se noħorġu minnha.
Imma anki ’l barra minna, il-mewt dejjem qiegħda moħbija xi mkien. Narawha preżenti fl-inġustizzji, fl-egoiżmi ta’ parti jew oħra, fl-oppressjoni tal-foqra, fl-attenzjoni skarsa lejn dawk l-aktar dgħajfa. Nilmħuha fil-vjolenza, fil-ġrieħi tad-dinja, fil-karba tad-dulur li titla’ minn kull rokna għall-oppressjoni li tgħaffeġ lil dawk l-iżjed dgħajfa, għall-idolatrija tal-profitt li taħtaf għaliha r-riżorsi tal-art, għall-vjolenza tal-gwerra li toqtol u u teqred.
F’din ir-realtà, l-Għid tal-Mulej jistedinna nerfgħu ħarsitna u nwessgħu qalbna. Ikompli jseddaq fl-ispirtu tagħna u fil-mixja tal-istorja ż-żerriegħa tar-rebħa mwiegħda. Ipoġġina f’moviment bħal Marija ta’ Magdala u bħall-Appostli, biex niskopru li l-qabar ta’ Ġesù hu vojt, u għalhekk f’kull mewt li nduqu hemm ukoll spazju għal ħajja ġdida li tfeġġ. Il-Mulej hu ħaj u jibqa’ magħna. Permezz ta’ xquq ta’ qawmien li jinfdu qalb id-dalma, hu jagħti lill-qalb tagħna t-tama li tweżinna: is-setgħa tal-mewt mhijiex id-destin aħħari tal-ħajja tagħna. Aħna orjentati darba għal dejjem lejn il-milja, għax fi Kristu Rxoxt anki aħna nirxuxtaw.
Dan fakkarhulna bi kliem mirqum il-Papa Franġisku, fl-ewwel Eżortazzjoni appostolika tiegħu, Evangelii gaudium, meta afferma li l-qawmien ta’ Kristu “mhux ħaġa tal-imgħoddi; fih hemm qawwa ta’ ħajja li daħlet u xterdet mad-dinja. Fejn donnu kollox mejjet, jerġgħu jispuntaw minn kullimkien ir-rimjiet tal-qawmien. Hi qawwa li m’hemmx bħalha. Hu minnu li spiss jidher qisu Alla ma jeżistix: naraw madwarna inġustizzji, ħażen, indifferenzi u kefrija li ma jonqsux. Imma dasqhekk ieħor hu ċert li qalb din id-dalma dejjem tibda tixtered xi ħaġa ġdida, li llum jew għada se tagħmel il-frott” (n. 276).
Ħuti, l-Għid tal-Mulej jagħtina din it-tama, u jfakkarna li fi Kristu Rxoxt hu possibbli ta’ kuljum ħolqien ġdid. Dan jgħidhulna l-Vanġelu mxandar illum, li jqiegħed il-ġrajja tal-qawmien b’mod preċiż: “Fl-ewwel jum tal-ġimgħa” (Ġw 20:1). Hekk il-jum tal-qawmien ta’ Kristu jfakkarna fil-ħolqien, f’dak l-ewwel jum li fih Alla ħalaq id-dinja, u jħabbrilna, fl-istess waqt, li ħajja ġdida, iktar qawwija mill-mewt, issa qed twarrad għall-umanità.
L-Għid hu l-ħolqien ġdid li jwettaq il-Mulej Irxoxt, hu bidu ġdid, hu l-ħajja li sa fl-aħħar saret eterna bir-rebħa ta’ Alla fuq l-Għadu tal-qedem.
Ta’ din l-għanja ta’ tama għandna bżonn illum. U aħna, li rxuxtajna ma’ Kristu, għandna nwassluh fit-toroq tad-dinja. Ejjew mela niġru bħal Marija ta’ Magdala, inħabbruh lil kulħadd, inwasslu b’ħajjitna l-ferħ tal-qawmien, biex kull fejn għadha tittajjar it-theddida tal-mewt jista’ jiddi d-dawl tal-ħajja.
Kristu, l-Għid tagħna, iberikna u jagħti s-sliem tiegħu lid-dinja kollha!
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard